Select Page

Komplejt xogħli u qabad jiddispjaċini li ma kontx staqsejtha jekk kellhiex bżonn xi ħaġa oħra. Forsi r-raġel tagħha kien marid, forsi hi kienet qiegħda tgħix fit-triq……..min jaf?
Għamilt il-ħsieb li l-għada nsaqsiha. Jekk tiġi. Jekk tiġi kont ser insaqsiha żgur.
U oħroġ il-għaġeb, reġgħet ġiet. L-istess ħin. L-istess libsa. L-istess sitwazzjoni.
“Għandek bżonn l-għajnuna?” staqsejtha qabel tajtha l-ħalib.
Mingħajr ma għolliet ħarsitha ‘il fuq, għamlitli iva b’rasha, ħadet il-ħalib u telqet ‘il barra.
“Stenna ftit!” bdejt ngħidilha.
Kienet ħallietni hekk, bla kliem. U lanqas kienet qaltli x’kellha bżonn.
Qbadt, u mingħajr ma’ qgħadt naħsibha, tlaqt ‘il barra warajha.
Bdiet miexja tul it-triq u jiena bdejt nimxi warajha, mingħajr ma ħallejtha tarani. Ma ridthiex tinduna bija, għax żgur kont ingerrixha! Kienet tidher mara ta’ ftit kliem.
Imxejna u imxejna. Wasalna fi triq dejqa li tagħti għal sqaq u mxiet lejn il-kantuniera. Daħlet f’din it-triq. Imxejt warajha. Ksirt il-kantuniera u waqaft hemm bilwieqfa, qisni iblah. Il-mara ma kienet tidher imkien! U żgur ma kinitx daħlet ġewwa għax ma kont smajt l-ebda bieb jinfetaħ jew jingħalaq! U hawn, hawn f’din it-triq, bieb wieħed kien hemm.
Stramba. Sitwazzjoni stramba tassew.
Għamilt il-ħsieb. Ersaqt lejn il-bieb u ppruvajt niftħu. Kien imsakkar.
Bdejt inħabbat bilmod fuq il-bieb, bejn għax kien xi ftit tard u bejn għax kien id-dlam u bdejt ninkwieta li kont rajt ħażin u forsi kien joħroġ xi ħadd u jagħmel għalija.
Il-bieb baqa’ magħluq.
“Sinjura?” bdejt ngħajjat, nipprova nagħmel widnejja mal-bieb ħalli nisma’.
U dak il-ħin smajtha.
Tarbija. Kien hemm ħoss ta’ tarbija tibki.
Bla ma qgħadt naħsibha, tajt skoss kbir lill-bieb b’saqajja u nfetaħ beraħ.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks