B’mod regolari se nkun qiegħda nikkontribwixxi fuq skoperta.net dwar suġġetti relatati mal-qasam tas-saħħa.
Illum b’kollaborazzjoni ma’ Ms. Claudia Borg (ITEC/CIBTAC Terapista olistika tas-sbuħija u l-irtokk) se nwasslulkom tagħrif dwar kif għandkom tieħdu ħsieb il-ġilda tagħkom partikolarment dik tal-wiċċ.
Fatt interessanti li ta’ min isemmi, huwa li l-ġilda hija ikkunsidrata bħala l-ikbar organu f’ġisimna, meta tiġi mkejla f’ammont ta’ “surface area” li tokkupa. Għaldaqstant huwa importanti ħafna li nagħtuha l-attenzjoni kollha li jixirqilha u għaldaqstant se naqsmu magħkom xi ftit suġġerimenti għall-kura ta’ ġilda sana.
Se nibdew billi nsemmu xi ftit mill-prodotti li wieħed ikollu bżonn juża’ għall-kura tal-wiċċ minn ġo daru stess. Idealment, dawn il-prodotti għandhom xorta jinxtraw mingħand terapisti professjonali; speċjalment jekk il-persuna li tużahom tkun tbati minn ċerti kundizzjonijiet tal-ġilda; bħal problemi fil-pigmentazzjoni, ponot, akne jew ħmura, fejn il-ġilda jkollha bżonn prodotti speċifiċi. Xi kultant, ikun hemm bżonn wkoll li wieħed iżur tabib tal-ġilda għal aktar kura. Kemm it-terapisti u kif ukoll t-tobba, huma fid-dmir li jipprovdu l-informazzjoni kollha ta’ kif wieħed għandu juża’ dawn il-prodotti speċifiċi għat-tip ta’ ġilda tagħkom.
It-tindif tal-wiċċ għandu jibda mill-“cleanser”. Dan jista’ jkun forma ta’ krema, “balm”, jew “gel”; li jinħasel bl-ilma jew ilma mixellari. X’wieħed għandu jixtri jiddependi mill-bżonnijiet tal-ġilda ta’ dak li jkun, u anke kif wieħed iħossu komdu li japplika l-prodott. Il-“cleanser” inaddaf il-wiċċ kemm minn ċertu rtokk u anke minn partiċelli tossiċi li jiġu iġġenerati kontinawment mill-atmosfera jew l-ambjent li ngħixu fih.
Sabiex nibbilanċjaw il-livelli ta’ “pH” ġol-ġilda tal-wiċċ, u kif wkoll sabiex jitneħħa l-“cleanser” kompletament, għandna nużaw it-“toner” warajh. Però, it-“toner” ħafna drabi ma jkunx għaqli li wieħed jużah madwar l-għajnejn, għaliex il-ġilda tkun irqaq f’din il-parti sensittiva tal-wiċċ.
Għal wara t-“toner”, jeżistu s-“serums”; li jintużaw biex inżidu l-vitamini fil-wiċċ u l-għonq; minħabba li jkunu magħmulin b’ingredjenti fini li jippenetraw il-ġilda faċilment. Huwa xjentifikament approvat illi l-wiċċ għandu bżonn kemm il-Vitamina C filgħodu, u anke l-vitamina A filgħaxija. Però wieħed qatt m’għandu jixtri bl-amment, iżda dejjem jieħu pariri professjonali, kemm mingħand it-terapista, jew id-dermatoloġista tiegħu, għaliex dawn il-prodotti jingħataw abbażi tal-età tal-persuna, u l-kundizzjoni tal-ġilda. Jaf ikun hemm ukoll ċerti kundizzjonijiet kroniċi oħrajn, jew bħal pereżempju, fit-tqala, fejn ċerti vitamini li semmejna jridu jiġu evitati.
Wara s-“serum” irridu wkoll napplikaw il-krema tal-wiċċ (moisturizer). Dan nagħmluh billi nibdew mill-għonq u nużaw idejna t-tnejn u ntellgħu ‘l fuq. Jeżistu ħafna tipi ta’ kremi għal kull età u tipi differenti ta’ ġilda. Normalment, it-terapista għandha tigwida lill-klijenti xi prodotti huma l-aħjar għalihom, billi tistaqsihom mistoqsijiet sempliċi; bħal jekk jkunux jbatu minn xi kundizzjonijiet mediċi, jekk jiħdux xi mediċini b’mod regolari, jekk ipejpux u kemm jixorbu ilma kuljum.
Ma ninsewx wkoll l-użu importanti tal-krema kontra r-raġġi tax-xemx. Din għandu jkollha minn tal-anqas UV factor 50, u tkun kontra r-raġġi tal- UVA u tal-UVB; sabiex tkun tista’ tipproteġi ċ-ċelloli li jinsabu iktar ‘l isfel fis-saffi tal-ġilda tagħna minn mard serju, bħall-kanċer tal-ġilda. Jeżistu diversi forom ta’ krema kontra r-raġġi tax-xemx, u wieħed għandu joqgħod attent li juża’ biss dak li verament jgħodd għalih, għaliex inkella faċilment jaf joħloq problemi oħra bħal ma’ huma l-“blackheads” jew żejt żejjed fil-ġilda tal-wiċċ. Issa li l-użu tal-maskri sar obbligatorju f’postijiet pubbliċi, ikun ferm aktar għaqli li napplikaw il-krema tax-xemx; biex ma nispiċċawx b’żewġ kuluri differenti f’wiċċna.
Dan il-proċess faċli tat-tindif tal-ġilda tal-wiċċ m’għandux jieħu aktar minn ftit minuti, u idealment għandu jsir darbtejn kuljum.
Darba jew darbtejn fil-ġimgħa, imbagħad għandna nużaw ukoll “scrub” li jgħinna nżommu l-ġilda morbida, billi jneħħilna ċ-ċelloli mejta, u għalhekk, indirettament; ikun qed jgħin ukoll lill-ġilda tirċievi aħjar il-prodotti kollha li semmejna qabel. Ma ninsewx ukoll li fis-suq hawn diversi “masks” li jkun fihom ħafna nutrijenti u jagħmlu differenza kbira fil-ġilda tagħna. Insibu forom differenti, saħansitra dawk li tista’ torqod bihom. Għal min forsi jixtieq jkun iktar ekonomiku, llum wieħed jista’ wkoll jinforma ruħu kif jista’ jħallat xi ingredjenti naturali bħall-għasel, yoghurt, u frott sabiex joħloq “masks” jew “scrubs” huwa stess.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtiequ nfakkru wkoll il-bżonn li nixorbu minn tal-anqas 2 litri l-ilma kuljum, ma npejpux u nieħdu l-vitamini/minerali kollha neċessarji billi nieklu dieta ibbilanċjata, kemm biex insaħħu s-sistema immunitarja tagħna waqt dan iż-żmien ta’ pandemija, iżda anke biex intejbu d-dehra tal-ġilda tagħna; kemm dik tal-wiċċ u anke tal-kumplament tal-ġisem. B’hekk nistgħu ngħinu biex nevitaw li jifforma t-tikmix, ġilda xotta jew tbajja.
Il-ħin li ninvestu fina nfusna m’hemmx prezzu, u huwa vitali li jkollna mħabba u rispett lejna nfusna, billi naprezzaw saħħitna u s-sbuħija tagħna. Is-saħħa u-sbuħija hija responsabbiltà individwali. Ħudu ħsieb u kunu prudenti.
Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Tabiba