Nitkellmu ma’ Ruth Micallef

Ruth, illum int omm ta’ żewġ subien iżda snin ilu s-sitwazzjoni kienet differenti. Ħudna lura mit-twelid tal-ewwel wild tiegħek sa dak il-mument li sirt taf li dak l-istess wild ma kienx proprju dak li kien jidher fl-apparenza.

Mela, jien kelli tarbija tifla, u bħal kull omm ta’ tifla, rabbejtha ta’ li kont naħseb li kienet!

Tajtha isem ta’ tifla, kont inlibbisha ħwejjeġ ta’ tifla eċċetra.

Tal-età tal-iskola kienet telgħet fi skola tal- knisja tal-bniet.

Fl-età ta’ 7 snin kienet inbidlet ħafna, kienet dejjem tkun bin nervi, dwejjaq, ma trid tkellem lil ħadd, dejjem tibki mix-xejn.

Meta għalqet 8 snin, kelli lil ħuha u iktar u iktar ingħalqet fiha innifisha, infatti il -membri tal-familja kollha kienu jgħidulna li għax kellna lil ħuha, u mhux qed nagħtuha attenzjoni biżżejjed eċċ..

Imbagħad mill-età ta’ 10 snin ‘il quddiem, għaddejt minn fażi li bdejt nissuspetta li se tkun gay, għax kienet turi ċerta rabja meta nsemmilha xi tifel gustuż, jew forsi nkun irrid neħodha biex taqta’ xagħarha.

Kienet taqa’ fi dwejjaq kbar meta kont noqgħod nistaqsiha biex tħallini nagħmlilha l-eyebrows jew inqaxxrilha s-suf ta’ saqajha, infatti kienet tinqafel fil-kamra u tgħidx kemm tibki!

Ta’ 11-il sena kienet staqsietni biex neħodha għand psikologu għax kienet qed tħoss li ma tistax tissoċjalizza sew man-nies u bdiet tħossha stramba ħafna!

Ovvjament kont ħadtha u kienet tmur għal sessjoni ma’ din il-psikologa darba fil-ġimgħa.

Sadanittant, il-psikologa kienet qaltilha biex tibda tipprova tagħti xi ħjiel ħafif ‘l hemm u ‘l hawn dwar dak li kienet qed tħoss, u f’dak iż-żmien kienet bdiet tikteb ktieb.

Kien jiġi karnival qatt ma kienet tkun trid kostum ta’ xi prinċipessa, kienet titlobni biex tilbes ta’ ninja, u kont rajtha ftit stramba, imma mhux se tidħolli ġo moħħi li din it-tifla mhix qed tħossha komda f’ġisimha b’daqshekk!

Kienet anke xi kultant tilbes xi arloġġ minn ta’ missierha, jew xi qmis u affarijiet minn dawn!

Minkejja dan xorta qisni ma bdejtx ninduna li kienet se tgħidli li hija transesswali, pjuttost kont ikkonvinċejt ruħi iktar li se tiġi fuqi u tgħidli li hija gay biex inkun onesta!

Ta’ 12-il sena, qisu 4 xhur wara li bdiet tmur għand il-psikologa, innutajt li ġurnata minnhom biddlet isimha minn fuq l account ta’ instagram u facebook, u għamlithom bl-isem ta’ tifel, u fl-istess ħin qaltli li l-ktieb lest u mort nistampahulha biex inkun nista’ naqrah!

Kif qrajt il-ktieb u bdejt nirrealizza li l-inċidenti li ssemmew fih jixbħu wisq dawk il-ħafna episodji li għaddiet minnhom hi, ma stajtx ma nisfurzahiex biex tgħidli x’kien qed jiġri, u kien dakinhar li qaltli kollox.

Qaltli li kienet ilha ħafna tagħmel riċerka fuq x’qed tħoss, x’jista’ jkun, u anki bis-saħħa tal-psikologa skopriet li dak li kienet qed tħoss kien minnu, u li l-ġeneru tagħha ma kienx ta’ tifla imma ta’ tifel!

Jiġifieri l-ġisem li twieldet fih li kien ta’ tifla ma kienx jaqbel ma’ dak li kien qed jaħseb il-moħħ li kien u għadu ta’ tifel!

Kif kien il-proċess biex irnexxilek tadatta għal realtà ġdida? X’sibt l-aktar diffiċli? U x’kien li ġiegħlek taċċetta u tadatta għal din ir-realtà?

Il-proċess biex nadatta ma kien faċli xejn, l-iktar ħaġa diffiċli kienet biex neqleb l-isem u nibda ngħajjatlu fil-maskil minflok fil-femminil.

Il-mument li ġiegħlni nqum fuq saqajja kien l-iktar mument li weġġgħajt b’dak li kelli nisma’.

Kienet dik id darba meta kont imdejqa għall-aħħar u mort nitkellem mat-terapista tar-rainbow support group, u staqsejtha tipprova tispjegali għalfejn kont qed inħoss dwejjaq kbar bis-sensazzjoni ta’ telf, propjament il-weġgħa ta’ meta titlef xi ħadd għażiż minħabba mewt.

Ir-risposta tagħha kienet ċara u tonda, u qaltli li iva sfortunatament il-proċess biex taċċetta din is-sitwazzjoni jrid jgħaddik mill-grieving process u trid taċċetta l-fatt li t-tifla “mietet”, tipproċessa l-uġigħ sakemm tkun lesta biex taċċetta t-twelid tat-tifel “il-ġdid”.

Dak kien żmien iebes immens, imma b’will power kbir għadda wkoll.

X’tip ta’ tibdil kellu jsir f’ħajjitkom?

Neħħejna r-ritratti kollha li kellhom lit-tifla fihom, ovvjament biddilna l-ħwejjeġ u l-aċċessorji kollha li kienu tat-tifla.

Eventwalment biddiltlu anka l-kamra tas-sodda għax lanqas ried jibqa’ jorqod fl-istess kamra, allura qlibtilhom il-kmamar lilu u lil ħuh.

Lilek personali, kif affetwatek din is-sitwazzjoni? Biddlitlek il-perspettiva ta’ kif tħares lejn ċerti aspetti tal-ħajja?

Jien inħossni li immaturajt ħafna, kbirt emozzjonalment u iva l-ħajja napprezzaha b’mod divers!

Ċertu materjaliżmu sar idejjaqni iktar, u sirt aktar nagħraf u napprezza emozzjonalment lil ħaddieħor.

Kif affettwa s-sitwazzjoni l-fatt li minbarra lil Sam għandek tifel ieħor, li filwaqt li kont fil-proċess biex tifhem, taċċetta, u tadatta, kellek tipprova tgħin lilu wkoll jadatta għal din ir-realtà?

Kien toqol żejjed li dak iż-żmien bdejt inħoss li ma niflaħx għalih onestament!

Meta kienu ċempluli mill-iskola taż-żgħir biex ikellmuni għax kien beda jaħseb li l-bniet kollha eventwalment se jinqelbu f’irġiel, inkluza jien, ħassejt id-dinja qed taqa’ fuqi.

Kelli nibda nieħu lilu għal xi sessjonijiet ma’ psikologa wkoll biex inkun ċerta li mhux se jitgerfex, imma għadda kollox vera malajr!

Tgħallimt kif għandi nġib ruħi miegħu u li l-verità m’hawnx isbaħ minnha.

Issibu għajnuna u kooperazzjoni xierqa?

Għajnuna kbira mmens sibna mill-MGRM, li huma parti mir-rainbow support group. Tawna ħafna sessjonijiet fejn kienu jfiehmuna xi jkun qed jiġri, kif nipprosegwu u dak kollu li kellna bżonn. Apparti minn hekk sibna għajnuna kbira mill-iskola fejn imur Sam.

Il-headmistress, li hija soru, ma setgħetx tkun ta’ għajnuna iktar! Is-sapport li għandu mill-għalliema hija kbira mmens, u lanqas qatt mhu se jkolli biżżejjed kliem ta’ ringrazzjament għalihom!

X’inhi l-aktar ħaġa li ddejqek mir-reazzjoni tan-nies? L-aktar ħaġa li tweġġgħak..

Illum il-ġurnata xejn għax qisek tidra, imma fil-bidu kien ikollok nagħmel sforz kbir noħroġ mid-dar għax ma’ kull min tiltaqa’ u jarak b’tifel jistaqsik awtomatikament, “ ara mela int għandek tifel ukoll?, u t-tifla ok ?”, u trid toqgħod tispjega kollox!

Reazzjoni li kienet dejqitni ħafna kienet mingħand tabiba l-isptar, ovvjament kelli noqgħod nispjega għalfejn l-isem jgħajjat tifla, imma qed jaraw tifel quddiemhom. Minkejja li spjegajtilha, din it-tabiba kienet baqgħet tinsisti li tirreferi għaliha, u emminni kont ħassejt weġgħa kbira, immaġina Sam x’kellu jħoss hu stess!

Tħoss li hemm bżonn isir progress fejn tidħol mentalità?

Iva ħafna.

Xi tħoss li hemm bżonn isir biex verament jingħata s-sapport meħtieġ u kull persuna tiġi ittrattatha b’mod ugwali?

Nahseb iktar għarfien, fuq is-suġġett, u min-naħa ta’ poplu inġenerali naħseb irridu nsiru inqas interessati fuq l-affarijiet ta’ ħaddieħor, bħal ma jgħidu bl-Ingliż, live and let live!, għax b’hekk inħarsu lejn xulxin minn lenti differenti.

X’kienu l-ħsibijiet tiegħek dwar persuni transesswali qabel, u x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek illum?

Qabel nammetti ma kontx naf ħafna fuq is-suġġett, ma kontx naf li verament xi ħadd jista’ jitwieled b’ġisem mod imma l-moħħ ikun mod ieħor. Meta kont żgħira jien kien hemm tifel joqgħod ħdejja li kien dejjem jilbes ta’ tifla, u ommi kienet tgħidli dak hekk għax missieru xtaq tifla u qed irabbih ta’ tifla, allura sfortunatament tlajt qisni b’dik ġo moħħi.

Kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ Sam illum?

Inħoss li jien u Sam għandna relazzjoni sabiħa immens, naf li japprezzani ta’ kemm għamilt miegħu, u jurini ħafna li jħobbni.

X’messaġġ tgħaddi lill-ġenituri li qed jaqraw din l-intervista u għaddejjin mill-istess sitwazzjoni tagħkom? Partikolarment lil dawk li qed isibuha aktar diffiċli minn oħrajn biex jaċċettaw realtà totalment differenti? Xi ħsara tista’ ssir jekk wieħed ma jaċċettax din ir-realtà, u kif wieħed għandu jibda l-proċess biex jaċċetta u jadatta?

Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi hu li vera tinħass qisha d-dinja qed taqa’ fuqkom, imma mill-mument li tpoġġi f’moħħok li dan it-tifel / tifla twieled /twieldet bil- moħħ ta’ ġeneru u bil-ġisem tal-ġeneru l-oppost forsi jirnexxielek tifhem li din mhijiex xi ħaġa li jixtiequ imma xi ħaġa li qiegħda hemm u qed tweġġa’ ħafna lil uliedkom.

Fuq kollox l-omm tixtieq dejjem il-ġid għat-tfal tagħha.

Min ikun għaddej minn dan kollu għandu bżonn is-sapport kollu ta’ kull min ikun madwaru. L-istress li jkollhom biex jippruvaw jaċċettaw dak kollu li qed iħossu huwa kbir, u jista’ jwassalhom biex iweġġgħu lilom infushom sew, jew anka jipprovaw jikkommettu suwiċidju.

Biex tibdew il-proċess l-aħjar li tikkuntattjaw llil-MGRM Malta, u ssibu l-appoġġ kollu li għandkom bżonn.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks