Select Page

Nitkellmu ma’ Sam

Sam huwa proprju t-tifel ta’ Ruth Micallef, li ippubblikajna l-intervista tagħha wkoll fuq skoperta.net.

Sam, xi jfisser li tkun transesswali?

Li tkun transesswali tfisser li tħossok f’ġeneru differenti mis-sess li tkun assenjat fit-twelid.

Għidilna ftit dwar l-ewwel mument li tiftakar li bdejt tagħraf is-sesswalità vera tiegħek. Kif ħassejtek u x’kien għaddej minn moħħok?

Kont għaddej minn perjodu veru mudlam ta’ ħajti, u bdejt nagħmel riċerka u nesperimenta bl-identità tiegħi. Ma ridtx naċċetta lili nnifsi u ma kontx kburi bil-fatt li jiena kelli ġismi differenti minn dak li ridt.

Sibtha diffiċli biex tifhem u tesprimi dak li kont qed tħoss, miegħek innifsek u eventwalment ma’ ta’ madwarek?

Ħafna. Hija vera diffiċli biex tesprimi ruħek meta tkun magħluq ġo fik innifsek u ma tridx taċċetta lilek innifsek, aħseb u ara ma’ nies oħrajn.

Kemm huwa importanti s-sapport ta’ dawk ta’ madwarek? Xi jfisser il-fatt li jkollok min jappoġġjak f’dak li wara kollox huwa naturali għalik?

Is-sapport tal-oħrajn jgħin ħafna għaliex meta tkun qed tagħti sapport tkun qed tivvalida lill-persuna u forsi tagħmilha daqsxejn ferħana. Is-sapport jgħin iktar milli wieħed jaħseb. Tista’ tkun qed tixegħel dawl għal persuna.

Xi ħsara tista’ ssir jekk wieħed ma jiġix mifhum u aċċettat kif inhu xieraq?

Jekk xi ħadd ma jistax jiġi mifhum jew in nies ma jridux jaċċettaw, jista’ jagħmel f’qalbu u hemm ċans li jweġġa’ lilu nnifsu. Jekk qatt m’int ħa taċċetta lil min tħobb, kif inhu, mela qed tagħmlilhom il-ħsara. Aħsbu kif iħossuhom meta ma taċċettawhomx.

Tħoss li l-fatt li ħriġt fil-beraħ ġabek aktar qrib ma’ dawk ta’ madwarek?

Iva, inħossni iktar miftuħ u rnexxili niġi iktar viċin in-nies maħbubin tiegħi.

Ġieli ġejt ittrattat b’mod mhux daqstant tajjeb minħabba s-sesswalità tiegħek?

Iva. Kien ikolli kummenti fuq kif jien stramb u kif għandi sess differenti minn kif nidher u l-ġeneru li nirrapreżenta.

Mill-esperjenza tiegħek mal-kumplament tas-soċjetà, fejn tħoss li hemm bżonn isir progress? U xi tħoss li hemm bżonn isir?

Jien inħoss li għandu jkun hemm aktar edukazzjoni fost l-istudenti u jrid ikun hemm iktar spjegazzjoni fuq għalfejn in-nies iħossuhom hekk, u li mhijiex għażla imma xi ħaġa li tiġri bioloġikament.

X’inhi l-akbar xewqa tiegħek?

L-ikbar xewqa tiegħi hi li xi darba nkun nista’ nħossni komdu fil-ġisem tiegħi, u li nies bħali jkunu aċċettati minn ta’ madwarhom.

Żgur li fost dawk li qed jaqraw din l-intervista hemm persuni li qed jgħixu din l-istess realtà, uħud li forsi għadhom qed jibżgħu joħorġu fil-beraħ. Hemm ukoll ġenituri jew persuni oħrajn qrib tagħhom li forsi għadhom qed isibuha diffiċli li jaċċettaw din ir-realtà. X’messaġġ tgħaddi, kemm lill-persuni li għaddejjin minnha kif ukoll lil dawk qrib tagħhom?

Lill-persuni li għaddejin minnha, nixtieq ngħidilhom li fl-aħħar is sitwazzjoni titjieb. Naf li diffiċli u li s-sitwazzjoni tweġġa’ ħafna iktar milli nies oħra jistgħu jifhmu, imma sibu lil xi ħadd li jista’ jismagħkom u jgħinkom. Sibu sapport sakemm is-sitwazzjoni tagħkom titjieb. Intom nies bħall-oħrajn, u m’intomx inqas minn nies ċisġeneru.

Lil dawk ta’ madwar il-persuni li għaddejjin minnha, ngħidilhom li naf li dan jista’ ikun żmien diffiċli għalikom ukoll. Imma fl-aħħar tridu tifhmu li dan hu kif verament iħossuhom il-maħbubin tagħkom. Ħudu l-ħin tagħkom biex taċċettaw u tifhmu l-bidla li seħħet, fittxu l-għajnuna jekk hemm bżonn, imma fl-aħħar mill-aħħar tridu taċċettaw is-sitwazzjoni kif inhi, għax hekk turu li verament tħobbuhom.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks