Select Page

Dawn il-ġranet għandhom sinjifikat differenti minn dak tal-Milied. Dan għaliex filwaqt li l-Milied jista’ ma jkunx daqshekk ta’ importanza għal xi wħud, is-sinjifikat ta’ dawn il-ġranet huwa wieħed l-istess għal kull persuna madwar id-dinja, irrelevanti xi twemmin u reliġjon tħaddan.

Dawn il-ġranet jimmarkaw it-tmiem ta’ sena u bidu ta’ oħra ġdida.

Għal ħafna, hija opportunità li jirriflettu dwar x’tgħallmu mis-sena li tkun se tispiċċa u jaraw kif se jagħmlu bidliet pożittivi f’ħajjithom. Fil-fatt, hija tradizzjoni ta’ ħafna nies madwar id-dinja li jagħmlu riżoluzzjonijiet f’lejlet l-ewwel tas-Sena. Fost ir-riżoluzzjonijiet l-aktar komuni jinkludu li wieħed jitlef il-piż, jonfoq inqas u jfaddal aktar flus, iqum kmieni u anki li jinqatgħu xi drawwiet ħżiena li wieħed ikollu.

Imma minn fejn ħadna din l-idea li nagħmlu riżoluzzjonijiet għas-Sena l-Ġdida?

Huwa maħsub li l-Babiloniżi tal-qedem kienu l-ewwel li għamlu r-riżoluzzjonijiet tas-Sena l-Ġdida. Huma kienu għamlu wegħdiet li jibdew is-sena bit-tajjeb u li jiksbu l-approvazzjoni tal-allat tagħhom.

U kont taf li….

L-ewwel ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida bdew żmien ilu, lura fl-2000 QK. Il-Mesopotamjani bdew din it-tradizzjoni li jiċċelebraw is-Sena l-Ġdida

Għal ħafna, l-1 ta’ Jannar ma kienx jitqies bħala l-ewwel tas-sena. Fil-fatt, ir-Rumani kienu jiċċelebraw l-1 ta’ Marzu bħala l-ewwel tas-sena.

Aktar tard ġie deċiż mill-Knisja Kattolika Rumana biex is-sena l-ġdida tiġi iċċelebrata fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-ġurnata kienet immarkata skont il-kalendarju Ġorġjan.

Fis-46 QK, Ġulju Ċesari aċċetta li jiċċelebra s-sena l-ġdida fl-1 ta’ Jannar. Madanakollu, ġie adottat mill-Ingilterra u l-provinċja Amerikana tal-Ingilterra proprju fl-1752.

Parti miċ-ċelebrazzjoni tas-sena l-ġdida naturalment tinvolvi ikla tajba. Nies li jappartjenu għal pajjiżi differenti madwar id-dinja jieklu ikliet popolari differenti skont l-aktar li jeċċellaw fihom il-kċejjen ta’ pajjiżhom.

Pajjiżi bħan-Nofsinhar tal-Istati Uniti, l-Irlanda, il-Ġermanja u l-Italja jieklu ħaxix bil-weraq aħdar u legumi għaliex jemmnu li jġibu fortuna finanzjarja.

Il-majjal huwa meqjus bħala ikel obbligatorju fil-jum tas-sena l-ġdida mill-poplu tal-Portugall, l-Ungerija, l-Awstrija u Kuba għax jemmnu li jissimbolizza l-prosperità.

Id-Danimarka għandhom tradizzjoni kemmxejn stramba għaliex in-nies jitfgħu platti fuq l-għatba ta’ xulxin u t-tifsira wara din it-tradizzjoni hija li ġġib ħbieb ġodda lis-sidien tad-djar. Drawwa oħra segwita mid-Danimarka hija li jagħmlu ikla ta’ filgħaxija jisimha Kransekage. F’din id-drawwa huma jħejju deżerta partikolari, li hija kejk forma ta’ cone, imżejjen bi bnadar u murtaletti.

Uħud mill-Ispanjoli jieklu eżattament 12-il għenba, mhux inqas, mhux aktar proprju f’nofsillejl f’lejlet l-ewwel tas-sena. Waqt li jieklu l-għeneb jagħmlu xewqat lil Alla. Nies li jsegwu din it-tradizzjoni jemmnu li ġġibilhom xorti tajba.

Fil-Ġappun, fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida idoqqu l-qniepen għal 108 darba fit-tempji Buddisti madwar il-pajjiż. Huma jagħmlu dan bħala sinjal ta’ merħba lil Alla tas-Sena l-Ġdida bl-isem ta’ Toshigami.

Il-Griegi jdendlu l-basal mal-bibien tagħhom lejlet is-Sena l-Ġdida bħala tradizzjoni għaliex jemmnu li jġib xorti tajba lit-tfal fid-dar. Tradizzjoni oħra li jsegwi l-poplu Grieg hija li jkissru r-rummien fuq l-għatba tagħhom. Simili għat-tradizzjonijiet l-oħra ta’ pajjiżi differenti, din it-tradizzjoni hija wkoll maħsuba li ġġib xorti tajba u kuntentizza.

Fil-Belġju jsejħu l-Ewwel tas-Sena bħala Sint Sylvester Vooranvond. In-nies hemmhekk jippreparaw ix-xampanja u t-tfal jiktbu ittri lill-ġenituri bix-xewqat Taksa u ħafna mħabba.

‘Auld Lang Syne’ hija l-kanzunetta li hi l-aktar magħrufa għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fost ħafna nies madwar id-dinja li jitkellmu bl-Ingliż. Hija poeżija bil-lingwa Skoċċiża miktuba minn Robert Burns fl-1788 adattata għall-intunazzjoni ta’ kanzunetta folkloristika tradizzjonali. Tradizzjonalment tindaqq lejlet l-Ewwel tas-Sena f’nofsillejl. Madanakollu, din il-kanzunetta titkanta wkoll fil-funerali, gradwazzjonijiet u bħala tislima jew tmiem ta’ okkażjonijiet oħra.

It-titlu ta’ din il-poeżija Skoċċiża jfisser ġranet li għaddew jew żminijiet antiki ħafna.

Minkejja li din id-darba spiċċajna sena u bdejna oħra kemmxejn differenti mis-soltu, u konna restritti fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna, wieħed jittama għal sena ferm aħjar minn dik li għadha kif spiċċat.

Mit-tim ta’ skoperta.net nawguraw lilkom il-qarrejja u s-segwaċi sena ġdida mimlija mħabba, saħħa u hena!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks