Select Page

Malli ftaħt il-bieb, xammejt riħa qawwija ta’ dekompożizzjoni u x-xena li rajt quddiemi ma kont ser ninsiha qatt!
Kienet kamra kbira. Salott. Ġewwa f’din il-kamra rajt tarbija f’kerrikot, tagħti b’idejha u saqajha. Kienet qiegħda tibki. Tibki u tolfoq.
Ħarist fil-ġenb. Lejn is-sufan. Qalbi għamlet tikk.
Fuq is-sufan rajt lilha. Kienet hi. Iva, emmnuni, hi kienet. Dik il-mara. Dik il-mara li kienet ġiet fil-ħanut tiegħi għal tlett darbiet! Iżda dik il-mara……….
Iżda…….
Kienet mejta!
“Kif jista’ jkun?” bdejt inhewden waħdi. Kelli nagħmel biċċa mill-qmis li kelli fuqi quddiem imnieħri għax ma stajtx nieħu nifs. Issa stajt ninnota li kien evidenti li din il-mara kienet ilha mejta għal iktar minn jumejn żgur! Imma kif jista’ jkun? Jien kont għadni kemm rajtha!
Imbagħad rajthom.
Kienu qiegħdin maġenbha.
Żewġ fliexken mimlija ħalib li kont għadni kemm tajtha! Kienu maġenb idha tal-lemin!
Bilkemm ridt nemmen……….fil-bidu bdejt naħseb illi kont qiegħed inhewden. Bdejt nogħrok għajnejja u nberraqhom.
Iżda mbagħad ersaqt lejn it-tarbija, li kienet għadha qiegħda tibki. Mort biex nerfagħha ħalli noħroġha minn postha. Mort nara x’kellha bżonn……..
U dak il-ħin rajthom.
Biex inkun għidt il-verita, dak il-ħin infqajt nibki. Ma stajtx inżomm id-dmugħ. Beda jinqatgħali n-nifs. Bdejt inħossni qed nistordi. Ħarsti marret minn fuq it-tarbija għal dak li kien hemm maġenbha fil-kerrikot.
Erba’ fliexken ħalib vojta………………mill-ħanut tiegħi………
Rassejt it-tarbija miegħi, ħarist lejn ommha u b’leħen maħnuq u miksur għidtilha, “L-imħabba ta’ bejn omm u tarbija…….”
Niżżilt ħarsti lejn it-tarbija.
“Qalbi, il-mama mietet……….imma lilek……..lilek żammitek ħajja……..”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks