Kull meta jissemma curry l-ewwel ħsieb tagħna jmur naturalment għall-Indian Curry, u bir-raġun! Madanakollu, kont taf li l-Ingliżi fil-fatt jiċċelebraw il-ġimgħa tal-Curry Nazzjonali kull Ottubru?
Tant hu hekk, li s-Segretarju tal-affarijiet barranin tal-Gran Brittanja Robin Cook f’diskors minn tiegħu kien irrefera għaċ-Chicken tikka masala bħala dixx nazzjonali Ingliż! Allura, kif il-curry Indjan b’modifikazzjonijiet tal-Ingliżi sar daqshekk popolari fl-Ingilterra?
Sa mill-1600 negozjanti Ingliżi bdew jivvjaġġaw lejn l-Indja, u b’hekk ġiet iffurmata l-kumpanija magħrufa bħala ‘The East Indian Company. Kull meta xi negozjant jivvjaġġa lura d-dar lejn l-Ingilterra, kien jieħu miegħu jew il-kok Indjan tiegħu, jew ir-riċetti jew l-ingredjenti li kien sar tant iħobb!
Sal-1784 il-curries u r-ross saru speċjalità mfittxija f’ħafna ristoranti popolari madwar Londra. Però, l-ewwel ristorant purament Indjan kien il-Hindoostanee Coffee House, li fetaħ il-bibien tiegħu fl-1810 f’Mayfair. Sa dan iż-żmien l-Ingliżi kienu saru poplu affaxxinat mill-affarijiet kollha Indjani. Bdew jimportaw ingredjenti, u anke għamara, u ornamenti mżejna b’mod elaborat. Saħansitra r-Reġina Victoria kienet magħrufa li kienet kompletament affaxxinata b’oġġetti bħal dawn, u anki ddedikat parti sħiħa fil-Palazz biex iżżejjinha bl-akkwisti Indjani tagħha.
Illum il-ġurnata issib aktar ristoranti Indjani f’Londra milli ssib f’Delhi u f’Mumbai f’daqqa, u tant hu minnu li l-curry oriġinali Indjan ġie modifikat għall-gosti Ingliżi, li llum sar industrija ta’ 5 biljun lira sterlina fil-Gran Brittanja!

Kontributriċi