Għandek bżonn (għal 4 persuni):

4 isdra tat-tiġieġ jew, 4 koxox tat-tiġieġ boneless
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Basla mqatta’ rqiqa
3 sinniet tewm imqatta’ rqaq
Mgħarfa kunserva
Mgħarfa meraq tal-lumi
500ml stokk tat-tiġieġ
4 mgħaref dqiq
2 imgħaref żbib
2 imgħaref lewż imqatta’
250ml krema friska
Niskata melħ u bżar
2 kuċċarini kemmun
Kuċċarina kosbor
Kuċċarina turmeric
Kuċċarina trab tal-mustarda
2 kuċċarini bżar aħmar jaħraq
Niskata ġinġer
Niskata kannella
Mgħarfa meraq tal-lumi
Mgħarfa garam masala spice
2 imgħaref ilma sħun
4 bajdiet iebsin
Kosbor frisk (biex iżżejjen)

Nota: Jien inħobb inħallat il-ħwawar in-nixfin kollha fi skutella żgħira qabel ma nibda nsajjar din l-ikla, sempliċement biex nagħmel l-affarijiet aktar malajr u faċli waqt it-tisjir.

Metodu:

Qatta’ t-tiġieġ f’biċċiet żgħar, roxx id-dqiq fuq il-biċċiet tat-tiġieġ sakemm jinksew kollha.

Saħħan iż-żejt f’taġen kbir, u aqli t-tiġieġ għal ħames minuti fuq kull naħa. Neħħi t-tiġieġ mit-taġen u żommu f’post sħun.

Fl-istess taġen, aqli l-basla u t-tewm sakemm jiħmaru ftit.

Żid il-ħwawar in-niexfa kollha (kemmun, kosbor, turmeric, mustarda, ġinġer, kannella, trab tal-bżar aħmar, melħ, bżar u garam masala). Żid l-ilma sħun u ħawwad malajr sakemm ikollok pejst.

Żid il-kunserva u l-meraq tal-lumi, u erġa’ ħawwad.

Issa żid il-biċċiet tat-tiġieġ u ħawwad għal madwar 2 minuti sakemm ikunu miksija kompletament bit-taħlita.

Żid l-istokk tat-tiġieġ sħun, ħawwad sewwa, u meta jibda jiftaħ jagħli, baxxi n-nar u ħallih itektek għal madwar 30 minuta.

Imbagħad żid iż-żbib, il-lewż, u l-krema friska. Ħawwad, u sajjar fuq nar baxx għal 5 minuti oħra.

Servi ma’ ross mgħolli u żid bajda iebsa sħiħa fuq kull platt.

Żejjen bil-weraq tal-kosbor frisk.

L-ikla t-tajba 🙂

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks