Select Page

Nitkellmu ma’ Gabriella Parsons

Gabriella, minn Diċembru li għadda, kull nhar ta’ Tlieta fuq TVM fis-6.45pm beda jixxandar programm ġdid ieħor, Il-Barokk. Għidilna ftit dwaru. Kif ġiet l-idea għalih? U x’impenn jirrikjedi programm bħal dan?

Minn dejjem kont inħobb l-istorja u l-perjodu tal-Barokk bl-istejjer tal-familji rjali, bil-palazzi, bl-arti, bl-iskultura, bl-arkitettura, bil-mużika u bl-ispettakkli kollha tiegħu minn dejjem affaxxinani. Fil-fatt ili ħafna noħlom li xi darba naghmel programm dwar dan is-suġġett u fl-aħħar din il-ħolma saret realtà. Ovvjament programm bħal dan jirrikjedi ħafna xogħol ta’ tħejjija.

Fis-sena li għadha kemm għaddiet kellek l-opportunità li tipproduċi u tippreżenta żewġ programmi oħrajn bl-isem ta’ Storja Teatru u Tgħid X’inhu. Kif nibtet l-idea għal dawn il-programmi? Sodisfatta bir-rispons li kellek ?

L-istorja u t-teatru huma żewġ passjonijiet tiegħi u minn dejjem kont noħlom li ntella’ produzzjoni televiżiva fuq dawn it-temi. Fis-sena li għaddiet kont iffortunata biżżejjed li ġietni l-opportunità li nkun nista’ naħdem fuq din il-ħolma u naraha ssir realtà. Ninsab sodisfatta ħafna bir-rispons għaliex diversi spettatturi qaluli li huma żewġ programmi interessanti u kienu ħafna dawk id-diretturi u atturi li rringrazzjawni talli qed nagħti ġieħ lix-xogħol tant siewi li sar fil-qasam tat-teatru f’Malta.

Kienet l-ewwel darba tiegħek li ipproduċejt u ippreżentajt fl-istess programmi? X’inhuma l-isfidi li jkollok żewġ irwoli daqstant impenjattivi fl-istess produzzjoni?

Le mhijiex l-ewwel darba. Fl-2010 kont għint lil preżentatriċi Lorna Fiorini fil-produzzjoni tal-programm edukattiv 7 Kuluri u li fih kont nanima poeżiji li f’dak iż-żmien kienu inklużi fis-sillabu tas-SEC tal-Malti. Imbagħad fl-2017, bl-għajnuna tal-għalliema tal-proġett YRE, Young Reporters for the Environment kont nipproduċi u nippreżenta l-programm għaż-żgħażagħ, Ekoteenz. Fi StorjaTeatru u Tgħid x’inhu ? ix-xogħol ta’ produzzjoni u preżentazzjoni huwa kollu f’idi. Dan ix-xogħol qed offrieli sfida impenjattiva ħafna għax ridt nippjana u naħseb għal ħafna affarijiet fl-istess ħin u sfortunatament il-ħin huwa dejjem limitat peròhija sfida interessantissima li tatni sodisfazzjon kbir.

Taħseb li t-teatru Malti huwa apprezzat biżżejjed minna stess?

Naħseb li dawn l-aħħar ftit snin l-interess fit-teatru kiber għaliex kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità ta’ produzzjonijiet li qed jittellgħu żdiedet ħafna u nemmen li dan kollu qed jiġbed iktar u iktar nies lejn it-teatri varji li għandna f’Malta u Għawdex. Ovvjament, dejjem għad hemm xi jsir biex kemm jista’ jkun jintlaħqu iktar nies li normalment ma jattendux teatru imma nemmen li sar ħafna xogħol siewi fuq dan l-aspett.

Karattru li żgur seraq ħafna qlub kien il-karattru ta’ Liberat, li interpretajt fis-sensiela L-Għarusa. Kif kienet l-esperjenza tiegħek b’dan il-karattru?

Lil Liberat ħabbejtha mill-ewwel darba li qrajt l-iskript tal-audition! Karattru ħelu wisq li żgur ħa jibqa’ f’qalbi! Kienet esperjenza sabiħa immens għax ħdimt ma’ nies ta’ talent kbir, kemm bħala atturi kif ukoll bħala diretturi, crew u awtriċi. Inħossni grata immens lejn it-tim kollu ta’ Sharp Shoot Media li tawni din l-opportunità u li fdawli l-karattru ta’ Liberat għax vera ħadt pjaċir ninterpretah. Kien karattru differenti għal kollox minn karattri oħra li interpretajt f’sensiliet oħra għax Liberat kienet mara ta’ karattru sempliċi, ġenwin, leali u fl-istess ħin toffri dak in-naqra comic relief li jagħti nifs mit-tensjoni li kienet tkun għaddejja. Għalkemm fuq il-palk ġieli interpretajt karattri komiċi, fuq it-televiżjoni din kienet l-ewwel darba li kelli battuti ħelwin, li jnisslu tbissima u li ħadt gost ħafna ninterpretahom.

Tiftakar xi mument ħelu li kellek bir-rispons tan-nies dwar dan il-karattru?

In-nies ħabbewha ħafna lil Liberat u kien ikun hemm ħafna li jwaqqfuni fit-triq jew f’xi ħanut jew anka l-iskola fejn naħdem u jaqbdu miegħi dwar Domenico ! Dan għaliex kienu jiggustawna kif ma’ nifhmu xejn mill-lingwa ta’ xulxin imma xorta kien jirnexxilna niftiehmu b’xi mod ! Apparti hekk, mhux l-ewwel darba li kont inkun qed nitkellem ma’ xi ħadd u kien jgħidli ‘Agħmililna tal-eee !’ għax Liberat kienet tħobb tispiċċa s-sentenza jew il-frażi bil-eee u din intgħoġbot ħafna.

Għandkom xi ħaġa komuni int u Liberat?

Naħseb li it-tnejn nafu nsibu l-kuntentizza mill-affarijiet sempliċi.

Kif bdejt il-karriera tiegħek bħala attriċi?

Meta kelli 14-il sena kienu ġew ikellmuna xi għalliema tad-Drama Centre l-iskola fejn kont nattendi u niftakar li minn hemm daħħaltha f’moħħi li rrid immur nitgħallem nirreċta u għamilt minn kollox biex nibda mmur għal-lezzjonijiet. Minn hemm ma ħaristx lura, kors wara ieħor, eżami wara ieħor, auditions eċċ… Bdejt l-ewwel darba fuq it-televiżjoni bħala extra fuq Simpatiċi, imbagħad tawni karattru ta’ pulizijia fl-istess sensiela u mbagħad sena wara oħra dejjem kelli xi parti f’xi drama jew oħra apparti partijiet oħra fuq il-palk li ma naqsux ukoll.

Wieħed mill-isbaħ mumenti li kellek s’issa matul il-karriera tiegħek..

Mumenti sbieħ ikun hemm ħafna speċjalment waqt xi rehearsal jew filming m’atturi oħra li jispiċċaw bħala ħbieb. Il-kummenti pożittivi minn naħa tal-udjenza jew it-telespettaturi li japprezzaw ix-xogħol li tkun qed tagħmel huwa ta’ sodisfazzjoni kbir ukoll.

Xi praspura li ġratlek minn wara l-kwinti..

Iktar milli wara l-kwinti, ħa nsemmi storja li ġratli quddiem l-udjenza. Darba kont qed nieħu sehem fi produzzjoni teatrali u fix-xena ta’ qabli kienu użaw xi ilma u milli jidher waqgħalhom ftit mal-art. Meta waslet ix-xena tiegħi, kelli noħroġ niġri, rfist l-ilma u buum… spiċċajt ċatta mal-art! Imma niftakar li tant qomt bl-għaġġla u b’xi mod komplejt li ħafna ħasbu li kienet parti mix-xena!

X’tippreferi l-aktar, teatru jew televiżjoni? U għaliex?

It-tnejn li huma fihom is-sabiħ imma wkoll l-isfidi tagħhom. Waqt ir-rehearsals ta’ xi play, ikun hemm naqra iktar ħin biex jinbena sens ta’ għaqda u ħbiberija bejn l-atturi. Apparti minn hekk, peress li dawn ir-rehearsals ikunu ħafna drabi iktar spissi minn filming, ikun hemm iktar ċans li l-karattru isir vera parti minnek. Is-sodisfazzjon li udjenza live ittik huwa sabiħ wisq. It-televiżjoni naqra iktar relaxed għax jekk tieħu żball, tista’ terġa teħodha u wkoll, ir-rispons mit-telespettaturi huwa ikbar għax segwit minn iktar nies.

Lil hinn mit-teatru u t-televiżjoni min hi Gabriella Parsons? X’inhuma l-aktar karatteristiċi li jiddeskrivuk?

Gabriella Parsons hi persuna pożittiva, kalma u paċenzjuża li tipprova tagħmel mill-aħjar f’dak kollu li tagħmel. Jiena nħobb ħafna t-tagħlim, il-qari, l-ivvjaġġar u l-volontarjat ma’ persuni fil-bżonn.

Int ukoll għalliema tal-Franċiż. Hemm xi raġuni partikolari li nibbtet l-imħabba tiegħek lejn il-Franċiż?

Minn dejjem kont inħobb il-lingwi imma meta bdejt nistudja l-Franċiż fl-iskola sekondarja affaxxinajt ruħi bil-ħoss sabiħ ta’ din il-lingwa kif ukoll bl-istorja u l-kultura ta’ Franza u n-nies tagħha, tant li ridt nibqa’ nitgħallimha u ngħallimha ħajti kollha.

Minkejja li bħalissa tinsab wieqfa mill-iskola Gabriella tgħidilna li l-kollegi tagħha jirrakkontawlha li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar. Dan għaliex minħabba l-pandemija tal-covid 19 it-tagħlim kif nafuh aħna kellu jinbidel totalment.

“Mhuwiex faċli tgħallem u ma tistax tersaq viċin l-istudent kemm hemm bżonn speċjalment għal dawk l-istudenti li kellhom jibqgħu d-dar. Minkejja dan, l-għalliema tagħna qed jagħmlu ħafna xogħol biex jadattaw mill-aħjar li jistgħu ħalli l-istudenti jirċievu l-aħjar edukazzjoni possibbli u nispera li dan iż-żmien iservi biex ikun hawn iktar apprezzament lejn il-professjoni tal-għalliema.”

X’inhu l-aktar importanti għalik fil-ħajja?

Is-saħħa, l-familja u l-kuntentizza.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiva dwarhom?

In-nuqqas ta’ paċenzja u rispett lejn xulxin..jirribjani l-fatt li ċerti individwi jaħsbu li ħaddieħor ma jiswa għalxejn, li tagħhom kollu tajjeb u li jħossuhom superjuri ħdejn ħaddieħor.

Gabriella tgħidilna li temmen ħafna fit-talb u tħobb li ta’ kuljum tirringrazzja lil Alla u tkun grata tal-affarijiet sbieħ li jiġru f’ħajti…s-saħħa, il-familja, ix-xogħol, il-paċi…temmen li t-talb jgħinha tkun iktar kuntenta u tkun iktar kapaċi taffronta sitwazzjonijiet diffiċli.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ Skoperta?

Kemm hu sabiħ li ngħixu ġurnata b’ġurnata, ingawdu l-mument u nagħtu iktar importanza lill-valuri li ma jiswewx flus; l-imħabba, r-rispett u t-tolleranza.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks