L-ewwelnett nibda billi nawguralkom għas-sena l-ġdida..

Fil-ġimgħat li għaddew semmejna ħafna drabi li hu ok li xi kultant ma nħossuniex ok..

Tajjeb li forsi nifhmu aħjar għala jkollna emozzjonijiet fejn inħossuna li aħna persuni ħżiena jew li hi tal-mistħija li nuru min aħna jew xi kultant nirreċtaw li aħna tajbin biex ma niġux iġġudikati..

Infatti qisu xi kultant inkunu aħna stess li nemmnu li għandna niġu iġġudikati.

Kollha kemm aħna għandna bżonn li nikkomunikaw u li jkollna konnessjoni ma’ persuni oħrajn.. dan hu kruċjali għas-saħħa mentali tagħna..

U hawnhekk fejn l-emozzjonijiet li jien ma jistħoqqlix din il-konnessjoni tgħolli rasha..

Xi kultant hemm minn iħossu li ma jistħoqqlux li jkollu konnessjoni ma’ ħaddieħor għax għandu jew kellu ħafna problemi.. jew li forsi ħajjitna ma mxietx mat-“timetable” li l – maġġoranza jimxu fuqha…

…dawn huma l-ħitan li nibnu aħna stess..

Infatti huwa diffiċli ħafna meta aħna stess niġġudikaw lilna nnfusna… għax bħal inpoġġu ktajjen ma’ saqajna għall-kumplament ta’ ħajjitna… Ġieli sibt ruħek iġġudikat mill-boss tiegħek fuq kull ħaġa li tagħmel allavolja ma jkunx jistħoqqlok? immaġina tagħmel hekk lilek innifsek kuljum u kull ħin..

Din hi kollha dik li bl-Ingliż ngħidulha shame… meta nħossu dawn l- emozzjonijiet iċ-ċans hu li ntellgħu ħajt għoli..

U dan il-ħajt iżommna milli nkomplu l-ħajja normali tagħna .. nibqgħu ngħixu fil-passat tagħna u bħal domino effect ħaġa ġġib lill-oħra.. ninqabdu f’ċirku li ma jwassal imkien..

Xi ħaġa li ħafna minna nagħmlu hu li ma nammettux li qed inħossu dawn l-emozzjonijiet iżda nitfgħu kollox taħt it-tapit.. u ġieli wkoll inwaħħlu f’ħaddieħor jiġifieri li ħaddieħor qed jittrattana ħażin, bħal nilbsu libsa ta’ vittma u nibqgħu ngħixu biha..

Fir-realtà mhix is-sitwazzjoni li tpoġġina f’pożizzjoni fejn nistmerru lilna nfusna, iżda l-mod kif aħna nħarsu lejna nfusna..

Mela hi x’inhi s-sitwazzjoni, importanti li ma niġġudikawx lilna nfusna, għax din il-perspettiva hija xi ħaġa li tumiljana u tkissirna..

Allura kif nistgħu nħottu ħitan li jkissruna?

L-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hija li niġu konxji ta’ dak li qed inħossu..

Imbagħad importanti li nippruvaw insibu soluzzjoni.. billi nistaqsu lilna nfusna x’nistgħu nagħmlu aħjar dwar is-sitwazzjoni … u kif nistgħu ntejbu lilna nfusna… x’tagħlima ħadna minn dak li ġara u nistaqsu x’inhu l-pass li jmiss.

Kull meta nkunu se niġġudikaw lilna nfusna rridu niftakru x’qed nagħmlu u għaliex qed nagħmlu hekk..

Li naċċettaw dak li aħna għaddejna minnu hu importanti, iżda mhux li nħallu lil dan jiddetta dak li aħna..

Jekk nirrealizzaw li aħna għaddejjin minn dawn l-emozzjonijiet għal tul ta’ żmien u bħal inħossuna staġnati importanti li nfittxu s-sapport li hemm bżonn.

Ma rridux nibżgħu naċċettaw il-pożizzjoni li nkunu fiha għax ħafna drabi li nagħmlu hu li ninqabdu f’xibka u ma nkunux nistgħu noħorġu minnha.. dan għax nibdew nemmnu li aħna persuni ħżiena jew m’hemm l-ebda tama għas-sitwazzjoni tagħna.

Ngħiduha kif inhi mhix faċli biex inbidlu din il-mentalità iżda mhijiex impossibbli lanqas..

U Jekk jirnexxielna ħajjitna tinbidel sew u għall-aħjar..

Jew niddeċiedu li nibqgħu maqfula f’għar mudlam… jew niddeċiedu li pass pass noħorġu minn dak l-għar u nibdew nimirħu fil-beraħ…

Awguri u tislijiet

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks