Select Page

Nitkellmu ma’ Amy Camilleri Zahra

Amy Camilleri Zahra hi omm ta’ tifel ta’ sentejn u miżżewġa lil Mark Anthony. Taħdem bħala Assistent Lettur l-Università ta’ Malta u hija studenta tal-PhD. Amy ilha attivista fil-qasam tad-drittijiet għal persuni b’diżabilità u drittijiet tan-nisa għal dawn l-aħħar 12-il sena. Hija wkoll attiva f’numru t’organizzazzjonijiet. Amy tħobb taqra u ssiefer.

Amy se tkun ukoll qed tikkontribwixxi fuq skoperta.net.

X’ġiegħlek tagħżel il-professjoni tiegħek?

Kien traġitt twil bi ftit dawrien biex wasalt fejn qegħda llum. Minn dejjem kont inħobb l-iskola u l-istudju u wara sixth form bdejt il-kors ta’ l-Inġinerija Mekkanika fl-Università ta’ Malta. Iżda waqt li kont studenta ta’ l-Inġinerija mradt bil-meningite. Wara żmien twil ta rijabilitazzjoni erġajt mort lura l-Università u komplejt il-kors iżda wara ċertu żmien ħassejt li nixtieq inbiddel il-karriera u bdejt inħoss li xtaqt iktar naħdem man-nies. Għalhekk wara ħafna ħsieb iddeċidejt li nieqaf mil-kors tal-Inġinerija u bdejt il-kors tal-Psikoloġija. Lestejt il-kors u gradwajt b’First Class degree u bdejt naħdem fil-qasam tas-settur tad-diżabilità.

Ħassejt li stajt nagħti kontribut siewi lil dan is-settur kemm bl-għarfien li kont ksibt u anke minħabba l-esperjenza tiegħi personali. Eventwalment komplejt bl-istudji tiegħi f’livell ta’ Masters u wara anke bdejt il-PhD. Minn hemmhekk xtaqt li nibda naqsam l-għarfien tiegħi mal-istudenti u bdejt naħdem bħala Assistant Lecturer l-Università ta’ Malta. Barra l-qsim ta’ għarfien mal-istudenti, jogħġobni ħafna l-element ta’ riċerka. Nieħu gost ħafna u jagħtini sodisfazzjoni kbir meta nkun qegħda nagħmel ir-riċerka. Nemmen li permezz tar-riċerka nistgħu nġibu bidla tanġibli fil-ħajja tal-individwi. Jekk noffru servizzi ibbazati fuq riċerka jew iġibu bidla fil-policies mela hemmhekk inkunu qegħdin verament nilħqu l-għan tar-riċerka.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tiegħek?

Bħalissa li nlesti l-PhD. Però għandi aspirazzjonijiet oħra ovvjament, bħal li nkompli nippubblika r-riċerka tiegħi f’peer reviewed journals.

Liema kwistjonijiet tħoss li l-aktar hemm bżonn li nqajmu kuxjenza dwarhom?

Nemmen li l-għarfien huwa importanti ħafna. L-għarfien jgħinek tifhem iktar, jgħinek tempatizza iktar u jgħinek iġġib bidliet f’ħajtek u f’ħajjet ħaddieħor. Il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi nemmen li tibqa’ importanti. Għalkemm għamilna avvanzi kbar, xi kultant inħoss li xort għad hawn element ta’ patrijarkiżmu. Il-vjolenza domestika fuq in-nisa hija effett ta’ dan u allura nemmen li għad għandna bżonn nibqgħu nitkellmu fuq dan is-suġġett, iktar u iktar meta din tolqot gruppi ta’ nisa li huma f’minorità bħan-nisa b’diżabilità. Suġġett ieħor li għandna nkomplu nitkellmu fuqu huwa s-saħħa mentali. Inħoss li xorta għad hawn stigma kbira mdawwra madwar dan is-suġġett. U ovvjament bħala mara b’diżabilità, inħoss li għad għandna nkomplu nitkellmu dwar l-aċċessibilità għal kulħadd u kif il-persuni b’diżabilità huma wkoll konsumaturi u għalhekk għandhom ikollhom aċċess ugwali daqs ħaddieħor.

X’tixtieq li twassal permezz tal-kontribuzzjoni tiegħek fuq skoperta.net?

L-għan tal-kontribuzzjonijiet tiegħi huwa li effettivament nqajjem kuxjenza dwar dak li semmejt hawn fuq biex inkomplu noħolqu għarfien dwar suġġetti li forsi jkunu ‘l bogħod mir-realtà li wieħed ikun qed jgħix fiha.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks