Aġenzija Sapport tmexxi l-programm Sharing Lives, li ġie mwaqqaf fil-2017, u l-għan tiegħu hu li joħloq opportunitajiet fejn voluntiera u persuni b’diżabilità jaqsmu esperjenzi flimkien, u joħloq kuntatt soċjali mal-pubbliku inġenerali sabiex persuni b’diżabilità jtejbu l-inklużjoni soċjali tagħhom.

Fit-2020 ibbenefikaw 65 persuni b’diżabilità, grazzi għat-tim ta’ Sharing Lives u għall-kontribut ta’ ‘l fuq minn 26 voluntier li għenu jiffaċiltaw diversi attivitajiet. L-attivitajiet jistgħu jkunu fuq bażi ‘one-to-one’ jew inkella fi gruppi. Xi ftit eżempji ta’ attivitajiet li ġew organizzati mill-bidu tas-servizz lil hawn jinkludu: BBQs, sajd, sessjonijiet f’gym, parties, workshops ta’ mużika, żfin u arti, u attendenza f’kunċerti, produzzjonijiet teatrali u attivitajiet nazzjonali bħal Rockestra u Military Tattoo.

Kien hemm ukoll voluntiera li, fuq numru ta’ sezzjonijiet, għallmu numru ta’ persuni b’diżabilità xi sengħa jew passatemp ġdid. F’ċerti każijiet speċjalment matul din is-sena fejn l-attivitajiet kulturali u soċjali tal-massa kienu ristretti minħabba l-pandemija, dawn il-voluntiera xorta baqgħu jsegwu lill-benefiċjarji jew permezz ta’ sessjonijiet onlajn jew f’numru ta’ każi, kuntatt soċjali fuq bażi individwali minflok fi gruppi.

Persuni li jitħajru jkunu parti mit-tim ta’ voluntiera ta’ Sharing Lives jrid ikollhom minn 16-il sena ‘l fuq u ladarba japplikaw, wara l-applikazzjoni isirilhom assessjar sabiex jiġi diskuss u determinat l-aħjar mod kif jingħata l-kontribut tagħhom. Barra minn hekk, voluntiera jiġu mħarrġa, mogħtija superviżjoni u offruti wkoll sapport kontinwu minn professjonisti, biex l-esperjenza tagħhom tkun waħda pożittiva u tkun ukoll opportunità għall-voluntier biex jikber personalment. Voluntiera jistgħu wkoll ikunu studenti fl-iskejjel post-sekondarji u università li jagħżlu li jagħmlu esperjenza mas-servizz bħala parti mill-kors li jkunu qed isegwu, professjonisti, kif ukoll organizzazzjoniet minn Malta jew Għawdex. Jingħata ċertifikat lil dawk li jkunu taw 30 siegħa jew aktar ta’ servizz. Il-kontribut tal-voluntiera jista’ jkun kemm għal attività waħda jew għal tul ta’ żmien. Dan is-servizz jingħata wkoll f’Għawdex.

Aġenzija Sapport hi l-aġenzija nazzjonali li toffri numru ta’ skemi u servizzi lil persuni b’diżabilità u familjari tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija u s-servizzi li toffri, wieħed jista’ jżur is-sit www.sapport.gov.mt, iċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija (Freephone 153 u għafas 5) jew inkella l-uffiċini fuq 2256 8000 (Malta) u 2156 9909 (Għawdex). Wieħed jista’ wkoll isegwi l-midja soċjali.

Informazzjoni mogħtija lilna minn Aġenzija Sapport.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks