Għalkemm kultant l-opposti jattraw lil xulxin, jiena u Maggie konna naqblu f’kollox.
Jekk kienet tippreferi ċertu tip ta’ ikel, għid li Eric se jogħġbu l-istess…..jekk xi kulur partikolari…….aħdar…..l-istess, jekk konna noħorġu, għid mhux se nillatikaw żgur għax l-istess post kien se jinżlilna għasel!
Insomma, f’Maggie jiena kont sibt persuna eżatt kif dejjem xtaqt. Persuna li tifhimni. Persuna li turini li tħobbni.
Maggie.
Malli kont naraha, il-kamra fejn kont inkun kienet tixgħel b’dija fittizja ta’ mħabba spettakolari.
Kemm kienet sabiħa! Xagħar twil iswed lixx, għajnejn kbar kulur il-kafe’ mdardar bil-ħalib……xufftejn ħomor nar, mingħajr bżonn ta’ ebda rtokk, pulita, dejjem tilbes ħwejjeġ li jixirqulha………insomma, Maggie għalija kienet perfetta! U xejn ma kien se jibdel dan.
Le, xejn.
U lili qatt ma kienet issejjaħli Eric. Anzi, dejjem tgħajjatli ‘qalbi’.
“Qalbi, x’se nagħmlu għall-aħħar tas-sena?” staqsietni b’dawk l-għajnejn kbar u sbieħ, hekk kif konna qegħdin nieħdu kafe’ f’ħanut prestiġġjuż li konna nħobbu niffrekwentaw flimkien.
“Ma nafx għadni…….lanqas ħsibt!” weġibtha, nomgħod pastina żgħira li kien tana tal-ħanut fuq il-plattina maġenb il-kikkra tal-kafe’ mmerraq u miżgħud bir-ragħwa.
“Tridx immorru l-opera?” staqsietni, iżżomm il-kikkra tagħha f’idejha, għadha mhux mittiefsa.
“Hux opera………immorru nixorbu xarba……..niżfnu żifna………” weġibtha mingħajr tlaqliq.
Oħroġ il-għaġeb, kont inħossni komdu nkellimha fuq kollox.
Imma donnu dakinhar kellha tkun l-ewwel darba li jiena u Maggie ma kellniex naqblu.
“Qalbi……inti bis-serjetà? Nixorbu? U trid issuq lura lejn id-dar? Minjaf kemm se jkun hawn rowdblokks tal-pulizija?”
“U ejja, Maggie……..issa ngħidlek jien f’liema bar immorru nixorbu u ngħaddik minn triq imwarrba fejn kważi ħadd ma jaf biha!” kważi stagħġibt.
Ngħidilkom il-verità l-ħsieb li mmur ningħalaq ġo sala mudlama, nisma’ l-għajjat u nara kostumi eżaġerati ma kienx se jkun il-gost u pjaċir tiegħi kif kelli ngħaddi l-bidu tas-sena l-ġdida.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Avukata u Awtriċi