Ta’ spiss niltaqa’ ma’ ħbieb, klijenti, u konoxxenzi li jgħiduli li żgur ma jridux jerġgħu jħobbu. Jaħilfu li QATT u QATT iktar ma huma se jiftħu qalbhom għal ħadd. “L-irġiel kollha xorta”, tismagħhom jgħidu, jew inkella “Ma fadalx mara sura!”.
Jien nistaqsi: possibbli li l-irġiel kollha l-istess? Jista’ jkun li n-nisa kollha li ltqajt magħhom inti kollha għandhom l-istess problema? Jista’ jkun li inti għandek xi responsabbiltà f’dan kollu? Jekk in-nisa li kellek f’ħajtek kollha kienu jgħiru, jista’ jkun li l-imġieba tiegħek ġegħlithom iħossuhom insikuri? Xi jwassal lil xi ħadd biex jirraġuna b’dan il-mod? Ħafna drabi din tkun reazzjoni għal weġgħat li kkawżat relazzjoni li kellek. Forsi inftaħt għal imħabba u tħossok li ġejt tradut/a, użat/a, jew mhux trattat/a sew. Ġieli anke jaf tkun ħadtha ħażin li tkun tant investejt f’relazzjoni, li għal xi raġuni jew oħra ma rnexxietx. Ix-xogħol tiegħi qed jgħallimni li mhux dejjem hemm xi ħadd li għandu tort meta relazzjoni ma tkomplix. Hemm relazzjonijiet li mhumiex għal dejjem. Hemm relazzjonijiet li jiġu f’ħajjitna għal qasir żmien. Sabiex jgħallmuna xi ħaġa. Imbagħad il-koppja tkompli għal triqtha b’mod separat.
Meta nieqfu ftit u nirriflettu fuq ħajjitna, x’ħadem u x’ma ħadimx nifhmu iktar lilna nfusna. Naraw hemmx “patterns” li nistgħu nkissru u nirranġaw. Nifhmu aħjar aħna x’hemm bżonn nibdlu fl-imġieba u ħsibijiet tagħna. Nirriflettu u nitgħallmu nieħdu responsabbiltà għall-parti tagħna f’dak li jkun ġara. Wara kollox hu dak biss li għandna kontroll fuqu.
Ninnota li ħafna huma dawk li jinġibdu lejn l-istess tip ta’ nies u jibqgħu jidħlu fl-istess tip ta’ relazzjoni bl-istess problemi u konklużjonijiet. Kultant l-ewwel esperjenza tagħna ta’ relazzjoni tibqa’ taffetwana għal kull relazzjoni li nidħlu fiha tul ħajjitna. Eżempju: Immaġina tfajla li missierha, li tant tammira, kien jixrob u jerfa’ jdejh fuq ommha. X’imkien f’moħħha themeż l-irġulija ma’ vjolenza u vizzji. Bla ma taf tibda tinġibed lejn irġiel li għandhom xi tip ta’ vizzju u forsi jkunu vjolenti. Wara ftit relazzjonijiet ma’ rġiel hekk tasal għall-konklużjoni li jew l-irġiel kollha hekk, jew li hi ħaqqha swat. Hemm min jaċċetta din is-sitwazzjoni bħala realtà tiegħu u jibqa’ f’relazzjoni ma’ raġel vjolenti u bil-vizzji. La kollha l-istess jaqbilli nibqa’ ma dan, nistħajjilha tgħid lilha nfisha.
Hemm min jiddeċiedi li jibqa’ waħdu la m’hemmx rġiel sew. Mhux dejjem faċli tkun waħdek u ma tinġibed lejn ħadd. Għalhekk jaf tispiċċa persuna xi ftit rrabjata għall-fatt li hemm xi ħaġa li tixtieq però qed toqgħod lura minnha sforz biża’.
Għall-mistoqsija: nista’ nerġa’ nħobb? Jien ngħidlek iva. Iva tista’ terġa’ tħobb għax li nweġġgħu hi parti mill-ħajja. Mhux l-imħabba li ġġiegħlna nweġġgħu iżda relazzjonijiet li ma jaħdmux. Relazzjonijiet ma’ nies li forsi ma naqblux magħhom. Ara x’tgħallimt mir-relazzjonijiet li ma ħadmux, biex dawk il-weġgħat ma jkunux għalxejn. Agħti ċans meta tħossok lest/a u imxi pass pass. Bil-mod. M’hemmx għaġla. Ħu l-ħin tiegħek u afda bil-mod. Taċċettax affarijiet li m’intx kuntent/a bihom u tkellem dwarhom mill-ewwel.
Ovvjament, bl-ebda mod ma rrid nagħti l-impressjoni li kull persuna trid tkun f’relazzjoni. Li wieħed jagħżel li jkun waħdu hu tajjeb ukoll.
Jekk għandkom xi mistoqsijiet li tixtiequ tistaqsu jew suġġett partikolari li tixtiequ li nitkellmu dwaru, ibgħatulna fuq info@skoperta.net

Sesswologu