Għandek bżonn: Għal 4 porzjonijiet
4 shanks (xikel) tal-ħaruf
2 basliet imdaqsa mqatta’ rqaq
4 sinniet tewm imqatta’ rqaq
2 bżar aħmar milli jaħraq, imqatta’ rqaq ħafna
Landa kunserva kbira
Nofs kuċċarina zokkor
Daqs kikkra kosbor frisk imqatta’, uża z-zkuk ukoll
Kilo fażola bajda mill-kbira
(Nota: Jien nuża tlett bottijijet tal-butter beans mill-kbar u nlaħlaħhom qabel nitfagħhom fil-borma. Tista’ wkoll tuża Canellini beans, jew fażola bajda min-niexfa li tkun għallejt min qabel.)
800ml ilma
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Mgħarfa kemmun
Mgħarfa kosbor niexef
Mgħarfa ħrarat (Baharat)
Mgħarfa chilli powder
Mgħarfa turmeric
Kuċċarina melħ
Kuċċarina bżar
Metodu:
Ħawwad l-ilma u l-kunserva f’borma u poġġiha fuq in-nar ħalli tisħon.
Kif tiftaħ tagħli, żid iz-zokkor, ħawwad, u żid ix-shanks tal-ħaruf.
Agħttih u ħallih itektek fuq nar baxx ħafna sakemm tlesti l-pass li ġej.
Saħħan iż-żejt f’taġen. Żid il-basal u t-tewm u l-ħwawar in-nixfin kollha. Ibqa’ ħawwad sakemm tara li l-basal irtab.
Żid il-kosbor il-frisk u ħawwad għal xi żewġ minuti.
Żid din it-taħlita tal-basal u ħwawar mal-ħaruf fil-borma. Ħawwad sew u ħallih itektek fuq nar baxx għal 45 minuta.
Żid il-fażola li tkun saffejt u laħlaħt, ħawwad u ħalli kollox itektek għal kwarta oħra.

L-ikla t-tajba 🙂
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi