Select Page

Ir-riċetta tal-lum hija ‘Stuffat tal-Ħaruf u l-Fażola’. Hija ispirata minn ikla Libjana bl-isem ta’ ‘Fasolya Libiya’.

Hi ikla popolari fir-ristoranti u fid-djar, u saħansitra f’ċerti postijiet issib xi gabbani żgħar li jservu din l-ikla biss bħala street food, fejn anke tista’ tieħu reċipjent miegħek u jimlewulek bil-Fasolya biex teħodha miegħek id-dar.

Però, ta’ min jgħid li f’diversi pajjiżi oħra titqies bħala ikla lokali għalihom ukoll. Ovvjament forsi b’xi ħwawar jew anke ingredjenti differenti, u ċertament b’isem differenti wkoll.

Fl-Iraq pereżempju tisejjaħ ‘Marqat Fasolia’ u meqjusha bħala waħda mill-ikliet nazzjonali. Mentri fil-Libanu tisejjaħ ‘Fasolia bil Lahme’ u hi waħda mill-aktar ikliet popolari tal-pajjiż. Fil-Marokk ukoll iħobbu jsajruha din l-ikla.

U jekk tmur sal-Greċja jgħidulek li jisimha ‘Arni me Fassolakia’, però huma jsajruha bil-fażola ħadra.

Ma jonqosx li din l-ikla jsajruha wkoll il-Franċiżi, fejn issib li fil-verżjoni tagħhom jaqtgħu l-ħaruf f’biċċiet żgħar u jżidu wkoll diversi tipi ta’ ħaxix.

Issejħilha x’issejħilha, li hu żgur hu li din hi ikla tajba ferm, speċjalment fix-xhur tax-xitwa ma’ xi biċċtejn ħobż tal-pita, jew ma’ xi ftit ross.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks