“Ha niprova nejn nies hekk ma tistux isiebu xoghol ejduli u nitkelem alikhom ha nghamel group ukoll , ghamilt group anki hekk et tfitcu partner seww ghamiltilkhom group, et li jejduli hbieb baranien li huma isiebu xoghol ,tkelimt li karta biss tawni li jejnu nies bla xoghol, cempilt all xogholijiet u ibat CV Jo bil posts qaluli biss ma kelmuniex” – Maria Vella

Maria Vella, single mother li bħalissa tinsab bla xogħol taqsam l-esperjenzi personali tagħha permezz ta’ filmat mid-dar tagħha bl-għan li tgħin nies oħrajn li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili tagħha biex isibu xogħol u l-imħabba f’ħajjithom..

Il-filmat li hu twil iktar minn siegha u għoxrin minuta jibda fil-bitħa tagħha, li qiegħda fi bżonn ta’ manutenzjoni skont kliemha stess, biex wara ftit tkomplih fis-salott minħabba li bdiet tqattar ix-xita. Hi tinsisti li l-istat tal-bitħa tagħha, li mhijiex f’pożizzjoni li tirranġaha, qiegħda tippreġudika l-possibilità li taqta’ x-xewqa tagħha li tadotta qattus.

Tul il-vidjo hi twassal il-messaġġ tagħha b’mod ripetuttiv u tisħaq li ħafna Maltin joqgħodu lura milli jitkellmu għax jistħu iżda hija temmen li biex l-affarijiet forsi jittranġaw trid titkellem u ssemma’ leħnek.

Maria għandha YouTube Channel fejn ittella’ diversi filmati tagħha titkellem b’mod dirett għall-aħħar u tesprimi frustrazzjonijiet dwar suġġetti soċjali li jitrattaw ir-realtà li hi tgħid li ħafna qiegħdin jgħixu.

Minkejja s-sitwazzjoni tagħha wieħed jista’ jara li żżomm id-dehra tagħha tajba ħafna, u fil-fatt hija qalet li tħossha ta’ importanza li xorta żżomm din l-apparenza għaliex għall-interviews trid tidher tajba.

Fil-bidu tal-filmat, Maria titkellem dwar kif saret taf raġel gradwat u saret tħobbu mill-ewwel, iżda sfortunatament ir-relazzjoni spiċċat ħesrem għax kien jgħidilha li hu ta’ waħdu. Dan però jidher li serva ta’ ispirazzjoni għaliha għax qiegħda tippjana li tikteb skript ta’ film ibbażat fuq din l-esperjenza.

Tispjega kif ġiet imwarrba mix-xogħol tagħha u li minkejja li għandha ħafna esperjenza f’diversi oqsma, hija għadha ma tistax issib xogħol.

Tul il-filmat narawha tiprova turi l-ħiliet tagħha fl-użu tal-lingwa Ingliża u Taljana u teżebixxi xi ħwejjeġ biex turi li m’għandha xejn inqas minn ħaddieħor.

Titkellem dwar dak li skont hi huma inġustizzji ta’ kif jintagħżlu ċerti impjegati u tiddeskrivi ineffiċjenzi fis-settur pubbliku fejn minħabba fihom qalet li ma rċevitx iċ-ċekk tas-sigurtà soċjali li hi intitolata għalih.

Issemmi li l-għajnuna soċjali mhijiex biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż ta’ omm waħedha llum il-ġurnata u tiddenunzja in-nuqqas ta’ flessibiltà li ċerti mpjiegi jġibu magħhom.

Lejn l-aħħar tal-filmat waqfet milli kienet qed tgħid u marret tiftaħ lit-tifel tagħha ta’ 14-il sena li hija tgħid li rabbiet waħedha.

Għall-għan tagħha biex tgħin lin-nies isibu l-imħabba, fetħet ukoll dating page fuq Facebook għal kull età ‘il fuq minn 18-il sena.

Tgħid ukoll kif beħsiebha tgħin nies li bħalha qiegħdin ifittxu xogħol permezz tal-midja soċjali. Filwaqt li ħeġġet lil kull min qed ifittex xogħol biex jikkuntattjaha fakkret dwar l-importanza li nieħdu ħsieb xulxin f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Segwi l-filmat:

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks