Select Page

Nitkellmu ma’ Clive u Claire Piscopo

Għaddew biss ftit ġimgħat mill-ġurnata taż-żwieġ tagħkom. Kif qed tħossukom?

CLAIRE: Jien personalment qed inħossni relieved li għadda kollox b’wiċċ il-ġid. Is-sitwazzjoni tal-Covid m’għamlithiex faċli, anzi żiedet l-istress. Però inħossni ferħana li rnexxa kollox u li rnexxilna nidħlu għas-sagrament taż-żwieġ kif xtaqna.

CLIVE: Tajjeb ħafna! Naħseb kull tieġ iġib miegħu ħafna stress imma, kif tistgħu timmaġinaw, il-pandemija ikkumplikatilna l-affarijiet u l-loġistika mhux ħażin. L-ikbar biża’ tagħna kienet li xi ħadd minna jew mill-familja jew ħbieb jimrad jew jispiċċa kwarantina … allura issa nħossni tajjeb ħafna li għadda kollox b’wiċċ il-ġid.

Ritratt meħud minn Kitz Klikz

Qiegħdin ngħixu f’ċirkostanzi partikolari minħabba l-pandemija, kellkom biża’ li jkollkom tipposponu? Minkejja kollox, kif kienet din il-ġurnata għalikom?

CLAIRE: Il-biża’ dejjem hemm kienet u kien hemm drabi li ippjanajna plan B. Però aħna ma ħallejniex Il-pandemija taqtagħlna qalbna, u kieku ma stajniex nagħmlu t-tieġ minħabba ċ-ċirkostanzi, xorta konna niżżewġu fid-data li kellna f’moħħna, li kienet is-7 ta’ Diċembru, għaliex għalkemm it-tieġ huwa xi ħaġa sabiħa ħafna, l-iktar ħaġa importanti għalija u għal Clive kienet ir-relazzjoni tagħna u l-pass li se nagħmlu.

CLIVE: Il-ġurnata taż-żwieġ se nibqgħu niftakruha għal ħajjitna! Qattgħajniha mal-familja u l-ħbieb tagħna l-iktar viċin tagħna. U fuq kollox dħakna ħafna u gawdejna kull mument!

Kif iltqajtu?

CLIVE: Jien u Claire iltqajna f’kuntest teatrali. Imbagħad konna noħorġu fl-istess grupp ta’ ħbieb. L-ewwel date tagħna kien il-film ‘A Star is Born’. Għad għandi l-biljetti tal-film! Imbagħad, kif jgħidu l-Ingliżi, the rest is history 😊

Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?

CLIVE: Il-kommunikazzjoni. Li npoġġu lil xulxin l-ewwel prijorità. Li nisimgħu lil xulxin.

CLAIRE: Rispett u kommunikazzjoni.

X’differenza tagħmlu fil-ħajja ta’ xulxin?

CLAIRE: Clive huwa l-blata soda tieghi. Miegħu nitkellem, nieħu pariri u nafdah. Hu għamel differenza kbira f’ħajti speċjalment meta sirt nafu. Dak iż-żmien kont għaddejja minn żmien partikolari u Clive, li huwa persuna caring ħafna, għeni, semagħni u kien hemm għalija.

CLIVE: Claire kompliet issebbaħ il-ħajja tiegħi. Fiha sibt persuna ma’ min naqsam ħajti u li nħobb ħafna. Il-mumenti ta’ bejnietna – sew jekk morna nimxu ximkien għall-kwiet jew jirnexxielna naraw film flimkien jew meta nsajru flimkien – huma mumenti kwieti u sempliċi. Imma la nkun qiegħed magħħa, inkun kuntent.

Ritratt meħud minn Kitz Klikz

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

CLIVE: Claire hija persuna sensittiva li tħoss ħafna għal ta’ madwarha. Infatti tinkwieta ħafna għall-ħaddieħor u dejjem tispiċċa toħroġ minn triqitha biex tara lil kulħadd ferħan. Qalbha tajba ħafna, ġeneruża, u fuq kollox l-ikbar ħabiba tiegħi. Nafdaha b’għajnejja magħluqa, nieħu gost nitkellem magħha.

CLAIRE: Clive huwa persuna caring immens. Nitkellem fuq kollox miegħu u kapaċi jaqrali x’hemm f’mohhi u f’qalbi mingħajr ma ngħidlu. Clive huwa bniedem matur ħafna u responsabbli. Huwa l-ikbar ħabib tiegħi u nafdah f’kollox.

F’argument li jkollu kulħadd, min minnkom iċedi l-ewwel?

CLAIRE: Ġeneralment Clive. Jien neħodhom ftit bi kbar allura jkolli bżonn il-ħin tiegħi. Clive jgħaddilu ħafna aktar malajr.

CLIVE: Jien.

Ġratilkom xi praspura jew xi ħaġa partikolari waqt il-preparamenti tagħkom għat-tieġ, jew saħansitra f’dik il-ġurnata stess?

CLIVE: Il-fatt li konna mdawwrin bil-ħbieb u l-familja tfisser li dħakna ħafna. Wara t-tieġ, meta erġajna lura d-dar nirrealizza wkoll li l-għeżież sħabi tal-grooms team kienu bidlu l-pożizzjonijiet tal-pasturi li kelli fil-presepju. Ngħidlek din biss: pasturi, ngħaġ u pożizzjonijiet xejn xierqa bejn il-pasturi u n-ngħaġ 😊

CLAIRE: Meta ġejt biex niftaħ ix-xampanja għal tikka ma mlejtx lil kulħadd għax għalkemm ma kontx ixxejkjajtu sploda b’ħafna iktar saħħa milli immaġinajna!

Kif qattajtu l-ewwel Milied tagħkom bħala koppja miżżewġa?

CLIVE u CLAIRE: Irrispettajna l-miżuri u segwejna l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Għalhekk iċċelebrajnih mal-familja immedjata tagħna minħabba li niltaqgħu kuljum. Kien Milied kwiet ħdejn is-soltu imma ma kienx Milied inqas sabiħ.

Hemm xi kurżitajiet oħrajn dwarkom li tridu taqsmu magħna?

CLAIRE: Jien nibża’ ħafna ħafna imma ħafna mill-wirdien. Inħobb norqod bil-fan, sajf u xitwa allavolja persuna li nħoss ħafna bard 😊

CLIVE: Inħobb ħafna l-kotba u l-annimali, speċjalment il-klieb. Ma nħobbx inqum kmieni u nippreferi nikteb u naħdem fit-tard.

Ritratt meħud minn Kitz Klikz

X’inhuma l-pjanijiet tagħkom minn issa ‘l quddiem?

CLIVE u CLAIRE: Li nimxu l-bqija ta’ ħajjitna id f’id u pass, pass. Forsi tinstema’ kemxejn romantika din l-idea imma din is-sentenza nfakkaruha lilna nfusna kuljum. Importanti li l-ħajja tgħixha ġurnata b’ġurnata, pass wara l-ieħor. U fl-iktar mumenti diffiċli tiftakar li flimkien man-nies li tħobb, il-ħajja hi ħafna isbaħ.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks