Ftit ġranet ilu fuq il-midja soċjali bdiet tiċċirkola storja ta’ mara Olandiża li qasmet l-esperjenza qarsa li għaddiet minnha fit-tmint ijiem li għamlet ġewwa l-isptar Monte Karmeli.

Hija kienet pazjenta rikoverata fi Frar li għadda u tiddeskrivi l-ambjent tal-isptar Monte Karmeli bħala “infern”.

F’blogpost fuq sidestreetmalta.com hija tirrakkonta fid-dettall dak kollu li rat u li għaddiet minnu.

Hija tgħid li minn barra, l-isptar jidher tajjeb, trankwill u pjaċevoli. Fid-daħla ssib roundabout b’funtana, fjuri u arbuxelli miżmuma tajjeb, u bini deċenti. Imma dak li hemm wara din il-faċċata jirrakonta storja kompletament differenti.

Fost dak kollu li rrakkontat, enfasizzat partikolarment dwar in-nuqqas ta’ iġene, konfużjoni u diżorganizzazzjoni. Iddeskriviet l-ambjent tas-sala li kienet fiha simili ta’ dik tal-ħabs. Semmiet ukoll nuqqas ta’ metodi ta’ terapija u dak li wieħed jista’ jagħmel biex iħossu aħjar.

Saħqet li tinsab grata ħafna għall-kura li rċeviet mill-istaff profiċjenti, u li kienu huma u medikazzjoni tajba li effettivament għenuha toħroġ mill-psikożi. Tgħid li l-psikjatri kwalifikati u l-infermieri iddedikati jirnexxilhom ipattu, kemm jistgħu għall-istat ħażin li jinsab fih l-isptar.

Tkellmet ukoll mal-gazzetta Times of Malta fejn qalet li qed titkellem proprju issa wara li għelbet l-episodju tagħha ta’ psikożi u kisbet biżżejjed kunfidenza biex tagħmel dan.

Hu fatt magħruf li mill-esperjenza tagħha sal-lum ftit li xejn inbidlet is-sitwazzjoni. Fil-fatt, l-assoċjazzjoni tal-psikjatri iddeskriviet l-isptar Monte Karmeli bħala mhux adattat għall-iskop tiegħu u talbet għal sptar temporanju tas-saħħa mentali sakemm jinbena ieħor ġdid ħdejn Mater Dei.

Min-naħa tagħna, filwaqt li nittamaw li tinstab soluzzjoni ta’ alternattiva temporanja b’ambjent aktar sikur u xieraq, inħeġġu lilek li qed tħoss li għandek bżonn l-għajnuna sabiex titkellem u tfittex l-għajnuna kollha li għandek bżonn.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks