Select Page

X’inhuma l-fatturi li jżidu r-riskji għall-kanċer tal-prostata u tat-testikoli?

Il-kanċer tal-prostata, li hija glandola li tinstab fl-irġiel biss, normalment jaffettwa rġiel avvanzati fl-età, obeżi, ta’ karnaġġjon skur, jew li għandhom storja ta’ membri tal-familja li jbatu b’din l-istess kundizzjoni.

Mill-banda l-oħra, il-kanċer tat-testikoli huwa inqas komuni minn dak tal-prostata u normalment, jaffettwa rġiel iżgħar fl-età; ta’ bejn il-15 u l-35 sena. Għall-kuntrarju tal-kanċer tal-prostata, il-kanċer fit-testikoli jidher li jaffettwa iktar irġiel ta’ karnaġġjon abjad, dawk li għandhom membri fil-familja li jbatu bl-istess kundizzjoni, u kif wkoll dawk li għandhom kundizzjonijiet ulterjuri, bħall-‘Kleinfelter syndrome’, fejn it-testikoli jiżviluppaw b’mod abnormali.

X’inhuma s-sintomi? U hemm xi affarijiet li wieħed jista’ jagħmel bħala prekawzjoni?

Is-sintomi relatati mal-kanċer tal-prostata; speċjalment jekk fi stat avvanzat, jistgħu jinkludu: problemi biex wieħed jgħaddi l-urina, inkontinenza, demm fis-‘semen’, uġigħ fin-naħa t’isfel taż-żaqq, uġigħ fl-għadam, jew nuqqas ta’ erezzjoni, fost oħrajn.

Is-sintomi relatati mal-kanċer fit-testikoli jistgħu jinkludu xi nefħa, massa iebsa jew tkabbir fit-testikola. Xi minn daqqiet, wieħed jista’ jħoss ukoll xi uġigħ jew tnemnim fl-istess post, jew saħansitra fil-parti t’isfel taż-żaqq. Sintomi oħra li huma inqas komuni jistgħu jinkludu uġigħ fid-dahar, qtugħ ta’ nifs, uġigħ jew tkabbir fis-sider, jew telf ta’ piż.

Huwa tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li xi minn daqqiet, fi stat bikri, wieħed ma jħoss l-ebda sintomi. Għaldaqstant, huwa vitali li wiehed jeżamina lili nnifsu regolarment, u jitkellem mat-tabib tiegħu jekk iħoss xi affarijiet li għalih mhumiex normali. Wieħed dejjem jista’ jiġi investigat iktar fid-dettall permezz ta’ testijiet tad-demm jew ‘ultrasound’, sabiex wieħed ikun jista’ jħejji t-triq biex jinbdew xi mediċni jew trattamenti oħrajn li jeżistu għal dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet mediċi.

Huwa importanti wkoll li wieħed jgħix stil ta’ ħajja sana, li tinkludi dieta ibbilanċjata, u eżerċizzju fiżiku. Wieħed għandu jara li jagħmel ħiltu sabiex jitlef xi piż żejjed.

Jekk tixtieq tkompli ssegwi iktar tagħrif dwar is-saħħa olistika, jekk jogħġbok żur u għamel ‘like’ fuq il-paġna tiegħi ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks