Nitkellmu ma’ Peppi Azzopardi
F’Novembru li għadda Peppi rebaħ wieħed mill-aktar unuri prestiġjużi fil-Malta Journalism Awards, dak tal-Gold Award, li kien ippreżentat mill-President Emeritu l-E.T Marie-Louise Coleiro Preca.

Xarabank, x’kien u għadu jfisser għalik?
Xarabank illum ifisser Xarabank iktar ħieles, l-aktar mir-regoli ta’ bilanċ marid ordnat mill-Awtorità tax Xandir.
X’taħseb li kienet ir-raġuni li Xarabank baqa’ tant popolari u segwit inkluż minn dawk li ma kinux jaqblu mal-mod ta’ kif kont tmexxi l-programm?
Programm li jikkomunika irid iqanqal imħabba minn uħud u stmerija minn oħrajn. Sakemm iqanqal emozzjoni jibqa’ relevanti u popolari. Meta ma jqanqal xejn ikun qed ifalli. Xarabank jibqa’ jqanqal diskussjoni għax ma jibżax jieħu pożizzjoni speċjalment kontra l-inġustizzji u t-tbatija.
Xi wħud kienu jsostnu li kellek xi aġenda jew li b’xi mod kont tipprova tinfluwenza d-diskussjoni skont l-opinjoni personali tiegħek. Xi twieġeb għal dan?
Iva kelli u għandi aġenda. Xarabank dejjem kien favur iż-żgħir, favur il-minoranzi, favur il-ħaddiema, favur li nkunu membri fl-Unjoni Ewropea, favur id-divorzju, favur iż-żwieġ tal-gays, favur id-drittijiet ta’ ħutna l-immigranti, favur id-drittijiet tal-ħabsin u kontra l-qtil ta’ trabi f’ġuf ommhom.
Għaddew xhur minn meta twaqqaf Xarabank. Ovvjament wara 25 sena, kien parti kbira minn ħajtek. Kif tiddeskrivi ħajtek mingħajr Xarabank?
Xarabank għadu hawn imma mhux kull ġimgħa. Inħossni aktar liberu li nagħmel proġetti oħra fosthom li nikteb it-teleserje politiku bl-isem ta’ Kastilja.
Minkejja li twaqqaf, żammejtu s-suċċess u r-rispons bil-programmi u l-filmati li saru online. Hemm ħsieb li jitkompla online?
Iwa qed isir online imma mhux kull ġimgħa. Proġett flimkien ma’ Lovin Malta.
Waħda mill-agħar esperjenzi ta’ ħajtek, u waħda mill-isbaħ...
L-agħar esperjenza ta’ ħajti meta għal xi żmien jien u marti Mandy konna mifrudin. Waħda mill-isbaħ esperjenzi meta Mandy ġiet lura u sal-lum għadna ninħabba qisna qegħdin fil-honeymoon.

Tisħaq ħafna li wieħed għandu jaħfer lil min jagħmillu d-deni u dan tgħixu int stess fil-prattika, iżda kemm hi faċli li tagħmel dan? Kif jirnexxilek taħfer lil min sfaċċatament jipprova jkissrek?
Diffiċli ħafna biex taħfer u diffiċli aktar biex tħobb lil min jagħmillek il-ħsara u kważi impossibli li mhux biss tħobbu imma tgħinu mingħajr ma jkun jaf biex ma tumiljahx. Mhijiex faċli imma possibbli. Illum jien qed jirnexxili grazzi għal Ġesù Kristu.
Xi jweġġgħak l-aktar u x’jirrabjak l-aktar?
L-ipokrezija.
Huma ħafna d-drabi li titkellem dwar xi kwistjoni li tkun għaddejja fil-pajjiż u tiġi interpretat ħażin. Ikun hemm ukoll min iżid u jżejjen ma’ li tkun għidt. Ovvjament hija xi ħaġa li nimmaġina li drajt sew s’issa, iżda tħoss li taffetwak xi ftit?
Le ma taffetwanix. Jien ngħid l-affarijiet kif narahom jien u noħloq diskussjoni. Qatt ma ngħid xi ħaġa li ma nemminx b’ruħi u b’ġismi kollu. Qatt.
X’kien wieħed mill-aktar ġesti ġenwini li qatt irċevejt?
L-iktar ġesti li jbikkuni huma ittri, messaġġi, telefonati, jgħiduli “grazzi” li nkun dħalt għalihom u iġġelidt magħhom l-inġustizzji li jkunu għaddejjin minnhom. Nibki ħafna.

X’jagħtik l-aktar ferħ f’ħajtek?
L-iktar li nieħu gost id-dar mal-familja. Inkun fil-ġenna tal-art.
Int persuna tolleranti ħafna, iżda hemm xi ħaga li żgur li ma tittollera qatt?
Il-kelma tolleranti iddejjaqni. Jien m’għandi dritt nittollera lil ħadd, m’għandi dritt naċċetta lil ħadd. M’għandix rasi kbira li naħseb li nista’ nittolera u naċċetta, x’kull waħda wkoll!
Xi tfisser l-imħabba għalik?
L-imħabba veru mhix lejn ommok, oħtok , ibnek jew martek imma lejn dak jew dik li ma tafhomx u li tħoss it-tbatija tagħhom waqt li ħallejnihom jgħerqu…
Mandy u Xandru, xi jfissru għalik?
Mandy u Xandru għalija jfissru tliet kelmiet. Kollox. Kollox. Kollox. Nixtieq nagħmel tattoo MMMM li tfisser Mandy Mara Mimlija Mħabba imma t-tattoos fuqi ma jogħġbunix.

Kif kienet it-tfulija tiegħek?
Żgur kienet aħjar minn dak it-tifel li ta’ 12-il sena kien ikun imġiegħel itaqqab lil missieru bl-eroina. Għalhekk nagħżel li ma nikkundannax.
Liema kwistjonijiet li jitqiesu bħal taboo taħseb li hemm bżonn li nqajmu aktar kuxjenza dwarhom?
Is-sex workers għal persuni b’diżabilità, ma nifhimx kif din id-diskussjoni tibqa’ moħbija u meta għamilniha f’Xarabank qajmet agħa propju għax iddiskutejniha. Ma nħossninx komdu niddiskuti l-abort għax inħossni qisni qed niddiskuti l-qtil pre meditat bħala alternattiva…

Jekk ikollok tmur lura fiż-żmien, tbiddel xi ħaġa minn dak li għamilt matul ħajtek?
Ma nafx għax qatt ma nħares lura jien.
Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li qatt kellek…
Meta ktibt messaġġ senswali ħafna lil Mandy u bi żball bgħattu lil Ministru li qabel kont qed nikkomunika miegħu fuq programm.

Għandek xi ħolma li tixtieq twettaq, u li s’issa qatt ma kellek iċ-ċans li taħdem fuqha?
Nixtieq inwettaq il-proġett li l-immigranti b’mod volontarju jkunu jgħixu magħna għal perjodu ta’ żmien u l-iskema Adopt a Prisoner li erġajt qed naħdem fuqha sew biex titwettaq.
Hemm xi ħaġa li s’issa għadek qatt m’għidtha fil-pubbliku u tixtieq taqsamha magħna?
Qed nagħmel id-dieta u m’iniex nirqaq għax qed niekol bil-moħbi u nkompli nitnejjek bija nnifsi.

Direttriċi u Editriċi