Ħalliha li fil-Milied, kont stedint lil Maggie tiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ tal-familja tiegħi…….u issa ħassejt li għall-ewwel tas-sena kellna nieħdu naqra gost flimkien. Jiena u hi. U kont ilni ftit ma nixrob xarba sew.
Rajtha tħares lejja u ma weġbitnix. Forsi ma kinitx taf x’kellha taqbad tgħidli. Jew forsi kienet qatgħet qalbha li tipperswadini sabiex immorru naraw dik l-imbierka opera li kienet twebblet biha.
“Eric…..”
Ħasditni.
Qatt ma kienet issejjaħli b’ismi.
Ħarist lejha.
“Jien inħobbok tafx……..allaħares tiġri xi ħaġa ħażina………”
“U xi tridu jiġri, għażiża tiegħi?” staqsejtha kważi nixraq fl-aħħar bela’ kafe’ li kien qed jinżilli għasel.
“Qalbi…….”
U dak il-ħin, qabdet tixrob il-kafe’ bla aktar kliem.
U jumejn wara, ġara kollox eżatt kif kont pjanajt jien.
Ilbist l-isbaħ qmis li kelli, ingravata kulur il-baħar imqalleb fix-xitwa, ġlekk u qalziet skuri, irranġajt naqa’ l-frenża lura ħalli ma tinżilx f’għajnejja, żanżant naqa’ fwieħa tal-ksuħat li kont għadni kemm iddubbajt mingħand oħti ż-żgħira u erħejtilha bil-karozza lejn id-dar fejn kienet toqgħod Maggie.
U malli wasalt quddiem id-dar tagħha, kważi nqatagħli n-nifs bi sbuħitha! Kemm ħassejtni xxurtjat dak il-ħin, hekk kif rajt dik it-tbissima tagħha tirrifletti f’wiċċ perfett, imżejjen b’xagħar mgħolli ‘l fuq għall-okkażjoni, liebsa kowt oħxon, aħdar u taħt indunajt li kienet liebsa xi libsa għax saqajha dehru mikxufin minn taħt il-kowt.
Bilkemm flaħt inkellimha.
“Inħobbok, qalbi……..” qaltli minn bejn snien sbieħ u bojod.
“Anke jien, Maggie…….” weġibtha.
U dħalna fil-karozza.
Kont għażilt bar fejn kont ilni nixtieq immur……..kien atrazzat b’mod modern, kbir u sabiħ, u kien imżejjen b’mod tassew eleganti għall-okkażjoni. F’rokna minnhom kellu siġra kbira tal-Milied u malli tidħol kienet tilqgħak l-atmosfera ferriħija tal-mużika li kien qed idoqq id-deejay li kien hemm fuq tip ta’ armatura tal-injam ħalli jkun jidher prominenti. Ir-riħa tfuħ ta’ ikel daħlet f’imnifsejja. Hawnhekk kien jiġi ffrekwentat minn nies distinti u ta’ ċertu klassi. Billi jiena stess kont diġa lħaqt pożizzjoni tajba f’ditta minnhom, kont naf ċertu nies li kienu jiġu hawn. U dejjem kont ħassejt ix-xewqa li niġi.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks