Permezz ta’ filmat li ttella’ fuq il-paġna ta’ Xarabank ftit tal-ħin ilu, Peppi esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar liġi li qiegħda tigi diskussa bħalissa fil-Parlament. Huwa jgħid li b’din il-liġi hekk kif inhi maħsuba u li jsejħulha liġi tal-ugwaljanza, bażikament se tkun tinvolvi proċess fejn wara li jitilgħu d-deputati bil-voti, jiddaħħlu 12-il mara oħra li ma jkunux ġew eletti. Fi kliem Peppi dawn in-nisa se jidħlu fil-Parlament “flok mill-bieb, mill-ventilatur”.
Jisħaq b’konvinzjoni li dan huwa insult lejn in-nisa Maltin u Għawdxin kollha. Fid-diskors tiegħu Peppi jsemmi uħud min-nisa li kisbu s-suċċessi tagħhom kemm fil-Parlament Malti u anki dak Ewropej bil-kapaċitajiet tagħhom u ma kellhom bżonn l-ebda imbuttatura. Jgħid ukoll li l-problema hija li n-nisa ma joħorġux għaliex skont hu l-Parlament innifsu mhuwiex tajjeb la għan-nisa u lanqas għall-irġiel; mhuwiex tajjeb għall-familji.
Peppi jaqsam l-opinjoni tiegħu li l-Membri Parlamentari għandhom ikunu full-time u għandhom jingħataw paga tajba ghax dan qed iwassal biex il-ħajja parlamentari ma tkunx kompatibbli ma’ dik familjari. Jemmen ukoll li d-deputati għandhom ikollhom assistent jew assistenta full-time magħhom. Jgħid ukoll li l-Gvern għandu jissussidja uffiċini fid-distretti.
Peppi jappella biex isiru dawn l-affarijiet li semma għaliex jemmen li b’hekk jiffaċilitaw id-deċiżjoni, partikolarment tan-nisa, li joħorġu għall-politika u jkun hemm aktar kandidati nisa. Jikkonkludi l-filmat billi jisħaq li din il-liġi se taffettwa wkoll lin-nisa li hemm fil-Parlament bħalissa fl-elezzjoni li ġejja, għaliex wieħed jista’ jħeġġeġ biex jivvutaw aktar lill-irġiel peress li jkun hemm il-possibilità li n-nisa jistgħu jitilgħu mingħajr il-bżonn tal-voti.
