Fl-aħħar kontribuzzjoni tiegħi għalaqt billi semmejt li minkejja li għamilt kuraġġ u għidt lil sħabi kollha dwar is-sesswalità tiegħi, ħadd minnhom ma waqaf ikellimni jew bidel l-attitudni tiegħu minħabba li sar jaf il-verità dwari.
Din id-darba xtaqt nitkellem fuq dawk in-nies li jkunu f’ħajjitna u għal xi raġuni jew oħra jagħżlu li jitilqu. M’iniex psikologu, u m’iniex gradwat fl-attitudni tal-imħuħ tan-nies imma l-esperjenza għallmitni li minkejja li kelli ħafna biżgħat u ħsibjiet fuq xi nies li kienu se jieqfu jkellmuni minħabba li ngħidilhom il-verità, fortunatament kont żbaljat.
Bħal daż-żmien, għaxar snin ilu, kont l-ewwel sena l-Università. Kont qed nieħu sehem fl-ewwel produzzjoni televiżiva tiegħi u kont nipprova nlaħħaq mal-istudji, mal-filming u mal-part-time job u mal-ħajja soċjali tiegħi. Moħħi kien diġà mgħobbi b’biżżejjed impenji u b’hekk kont bejn ħalltejn jekk iniex kapaċi naffaċċja sfida bħal din u ngħid il-verità kollha dwari. Sħabi kienu jinnutawni naħbi l-mobile jekk jibgħatli xi ħadd (għax kont inkun qed nibgħat lil xi ġuvni), u kienu jafu li m’iniex it-tip li naħbi allura bdejt inħoss li qed nagħmel xi ħaġa li mhijiex sew. Ma nistax ngħid eżatt x’ħassejt f’dik il-ġurnata fejn għidt l-ewwel ħabiba tiegħi, imma ġietni forza ġewwinija u kont lest li nammetti l-verità kollha.
Nammetti li bdejt b’persuna li kont naf li għandha nies oħra gay f’ħajjitha u allura għaliha forsi ma kinitx se tkun xi ħaġa ġdida. La darba bdejt b’ħabiba waħda, bqajt għaddej u ftit ftit saru jafu l-ħbieb kollha. Waqt li lil sħabi għidtilhom bil-kliem, quddiemhom stess, lil familti ħassejtha iktar diffiċli. Fil-familja m’għandna lil ħadd li ġej mill-komunità LGBTIQ u allura ħassejtni li kont se nkun xi diżunur għall-familja. Bdejt billi ħallejt ittra fuq l-imħadda ta’ oħti u dħalt norqod… niftakar li sakemm smajtha dieħla fil-kamra u tiftaħ l-ittra m’għalaqtx għajn m’għajn… Wara ftit mumenti li qrat l-ittra, irċivejt messaġġ mingħandha u nista’ ngħid li dak kien biżżejjed biex serraħli rasi u rqadt fil-paċi.
Il-familja saret taf bil-mod il-mod ukoll u ma nistax ngħid li ma kienx hemm xi tip ta’ xokk. Maż-żmien kollox ġie diskuss, il-ġenituri għamluli ħafna mistoqsijiet u kont lest li ngħid il-verità kollha u ħassejtni aħjar. Illum il-ġurnata, anke nannti ta’ ‘l fuq minn 90 sena taf, u tħobb lil Julian, il-boyfriend tiegħi, daqs li kieku hu n-neputi tagħha wkoll. Immorru għandha u nqattgħu sigħat twal inparlaw magħha.
Ma nistax ngħid li kien perjodu faċli iżda llum inħares lura bħala wieħed mill-isbaħ perjodi ta’ ħajti. Fażi fejn il-veru jien ġie illiberat u ħassejt sens ta’ libertà ġdida. Stajt inkun jien, stajt ngħaddi kummenti mingħajr ma nibża’ li niġi ġġudikat. Stajt niċċajta dwar il-passat u stajt inkompli f’relazzjonijiet mingħajr ma noqgħod ninħeba.
Fl-aħħar mill-aħħar jien dejjem nimxi bil-mantra ta’ ‘Those Who Matter Won’t Mind, Those Who Mind Won’t Matter’ jiġifieri dawk li vera jħobbuk mhux ħa jagħtu kas, u dawk li se tagħmlilhom differenza, m’għandekx bżonnhom u tagħtix kashom.
Qatt tgħaġġel fil-proċess tiegħek imma tħallix wisq żmien jgħaddi li jwaqqfek milli tgħix il-ħajja tiegħek b’mod liberu. Il-ħajja sabiħa wisq meta taċċetta lilek innifsek kif int, int x’int, u timxi ‘l quddiem. U dawk li jħobbuk jibqgħu hemm, dawk li le, jitilqu, imma tibżax, xorta kienu se jsibu raġuni oħra għaliex jitilqu xi darba jew oħra.
Jekk tixtieq taqsam l-istorja tiegħek magħna, anki b’mod anonimu, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributur