Għandek bżonn: (għal 6 porzjonijiet)
Kilo brunġiel
Żejt taż-żebbuġa
Għaz-zalza ħamra:
600g kapuljat taċ-ċanga
Żewġ basliet, imqattgħin irqaq
Erba sinniet tewm imqatta’ rqaq
Tliet imgħaref pejst tat-tadam
Nofs tazza nbid aħmar
Niskata zokkor, melħ u bżar
Mgħarfa rignu
Nofs kuċċarina kannella
300ml stokk taċ-ċanga
Bott tadam imqatta
Żewġ weraq tar-rand
Għall-bechamel:
Erba’ mgħaref butir
Ħames imgħaref dqiq plain
500ml ħalib
100g ġobon Parmesan maħkuk
1/4 ta’ kuċċarina noċemuskata
Żewġ bajdiet imħabbtin
Frak tal-ħobż u żejt taż-żebbuġa għall-wiċċ
Metodu:
Neħħi z-zokk mill-brunġiel. Imbagħad qattagħhom slices mit-tul, ħxuna tas-slices madwar 0.5cm.
Poġġi s-slices fuq karta tal-forn, għati l-wiċċ tal-brunġiel dilka ħafifa biż-żejt taż-żebbuġa u aħmihom fil-forn għal madwar 15-il minuta, jew sakemm jibdew jirtabu ftit.
Oħroġ il-brunġiel mill-forn u ħallih jibred.
Iz-zalza ħamra:
Ġo kazzola non-stick aqli l-basal u t-tewm sakemm jibdew jirtabu.
Imbagħad żid l-inbid u ħalliha ttektek għal ħames minuti.
Żid il-pejst tat-tadam, iz-zokkor, il-melħ, il-bżar, ir-rignu, u l-kannella.
Ħawwad sewwa u mbagħad żid il-kapuljat.
Ħawwad sakemm il-kapuljat jibda jieħu kulur kannella.
Imbagħad żid l-istokk taċ-ċanga, it-tadam imqatta’ bil-likwidu tagħhom, u l-weraq tar-rand.
Ħawwad sew sakemm tara li zzalza ħa tibda tagħli.
Imbagħad baxxi n-nar u ħalliha ttektek għal 20 minuta sakemm tara li z-zalza qed issir magħquda.
Ma jridx jibqagħlek ħafna likwidu għal din ir-ricetta.
Sakemm iz-zalza l-ħamra ttektek, tista’ tlesti l-bechamel:
Dewweb il-butir f’kazzola non-stick żid id-dqiq u ħawwad għal madwar minuta.
Imbagħad żid il-ħalib bil-mod u ħawwad għal madwar ħames minuti sakemm ikollok taħlita qisha krema.
Neħħi l-kazzola minn fuq in-nar, żid il-ġobon u n-noċemuskata, ħawwad sew, u ħalliha tibred għal 5 minuti.
Imbagħad żid il-bajd u ħawwadhom sew mal-kumplament tal-bechamel.
Issa tista’ tibda tpoġġi s-saffi tal-Moussaka:
Ferra ftit iz-zalza ħamra fil-qiegħ ta’ dixx tal-forn.
Imbagħad irranġa saff brunġiel sabiex il-qiegħ tad-dixx ikun kollu mgħotti.
Ferra l-bqija taz-zalza ħamra kollha fuq il-brunġiel, u mbagħad irranġa saff ieħor ta’ brunġiel fuq iz-zalza.
Ferra l-bechamel fil-wiċċ u ara li l-brunġiel kollu jkun mgħotti.
Ferrex il breadcrumbs fil-wiċċ, u żid raxxa ħafifa żejt taż-żebbuġa.
Sajjar fil-forn għal 40 minuta jew sakemm tara li l-wiċċ ikun qed jiħmar.

L-ikla t-tajba 🙂
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi