Select Page

Il-kantant Aldo Busuttil għadu kemm nieda kanzunetta ġdida bl-isem ta’ Figura t’Identità, miktuba minnu stess u b’kompiżizzjoni ta’ Mark Scicluna u Cyprian Cassar.

L-idea għal din il-kanzunetta oriġinat mill-esperjenza li Aldo kellu waqt kampanja li għamel favur l-iskedar u riġenerazzjoni taż-żona tar-Razzet l-Antik tal-Fgura.

“Sfortunatament l-irwiefen kienu qegħdin jonħfu kollha lejn id-distruzzjoni ta’ dan il-patrimonju b’riżultat li l-aħħar parti mill-istorja tal-lokal indifnet ukoll. Għamilt minn kollox biex nipprova ngħaqqad lin-nies tal-post, ħejjejt proposti għall-iżvilupp sostenibbli biex il-Kunsill jiddiskutihom mal-Gvern Ċentrali, avviċinajt Membri Parlamentari iżda kien kollu ta’ xejn. Sibt reżistenza qawwija; minn ħasel idejh, skużi, ħabi ta’ informazzjoni, tgħawwiġ tal-fatti, dan kollu indirettament ikkawżat minn mentalità marradija; sirna ngħalqu għajnejna u ferm agħar niġġustifikaw il-qerda ta’ l-identita.” jgħid Aldo Busuttil.

Għaldaqstant, wara li ma rnexxilux iwassal il-messaġġ tiegħu b’mezzi oħra, bħala wieħed mill-fundaturi ta’ Nature Trust Malta, rebbieħ tal-award L-Ambjentalist tas-Sena fl-1998, u kantant lokali, Aldo ħareġ bl-idea li jikteb kanzunetta u jniedi wkoll vidjo mużikali fuq l-għarfien tar-razzett l-antik u l-istorja tal-Fgura bl-għan li jwassal messaġġ qawwi kontra l-mentalità li tiġġustifika l-qerda tal-Wirt Kulturali.

Il-kanzunetta Figura t’Identità hija l-ewwel kanzunetta li huwa kiteb flimkien mal-kompożituri Mark Scicluna u Cyprian Cassar fejn apparti li tirrakonta l-istorja tal-Fgura mill-punto di vista tar-razzett kif ukoll ta’ riflessjoni fuq il-mod kif diversi postijiet storiċi fl-irħula qed tittiħdilhom l-iskedar (il-protezzjoni).

Fil-vidjo mużikali jieħu sehem is-Sur Joseph Gouder li huwa wieħed mill-aktar residenti anzjani tal-Fgura li qed jagħti kontribut kbir lejn il-ġbir ta’ informazzjoni u ġrajjiet tal-passat fil-lokalità.

Aldo jirringrazzja li kull minn ta sehmu biex dan il-proġett sar realtà.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks