Il-Helpline għall-persuni b’diżabilità hu servizz ġdid mill-Aġenzija Sapport. Din hi l-ewwel Helpline nazzjonali mill-Aġenzija Sapport, li l-għan prinċipali tagħha huwa li persuni b’diżabilità u familjari tagħhom jkunu jistgħu jċemplu u jsaqsu direttament għal servizz mill-Aġenzija Sapport u jingħataw direzzjoni u jiġu referuti b’mod dirett lejn is-servizzi meħtieġa.

Dan is-servizz hu kollaborazzjoni ma’ servizz.gov, fejn ġiet estiża l-pjattaforma tal-Freephone 153 biex persuna taqbad mal-Helpline tal-Aġenzija Sapport billi tagħfas fuq in-numru 5.

It-telefonati jitwieġbu minn uffiċċjali mħarrġa li, b’mod kunfidenzjali, jittieħdu d-dettalji tal-persuna sabiex professjonisti jkunu jistgħu jevalwaw il-każ, jirreġistraw dawn it-telefonati u jipproċessaw it-talbiet għal servizzi. Jekk persuni jċemplu għal gwida dwar x’servizzi jistgħu jibbenefikaw minnhom, dawn jingħataw l-informazzjoni meħtieġa, anke f’każ li dawn huma servizzi mogħtija minn entitajiet u dipartimenti oħra.

Il-Helpline tipprovdi wkoll mezz fejn wieħed jista’ jċempel sabiex iressaq ilment fuq is-servizz li jkun diġà qed jingħata mill-Aġenzija, kif ukoll anke biex jirrapporta abbuż fuq persuni b’diżabilità.

Din il-Helpline tikkumplimenta s-servizzi l-oħra tal-Aġenzija, u hi l-punt prinċipali fejn wieħed għandu jċempel sabiex jitlob informazzjoni u/jew servizz mill-Aġenzija. Il-Helpline hi miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-08:00 u l-16:00.

Dan il-proġett juri l-impenn tal-Aġenzija li tkun aktar disponibbli, iżżid l-aċċessibilità tas-servizzi waqt li tisma’, taġixxi u tagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u familjari tagħhom.

Aġenzija Sapport hi l-aġenzija nazzjonali li toffri numru ta’ skemi u servizzi lil persuni b’diżabilità u familjari tagħhom, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Għal aktar informazzjoni dwar Aġenzija Sapport u s-servizzi li toffri, wieħed jista’ wkoll iżur is-sit www.sapport.gov.mt jew isegwi l-midja soċjali tal-Aġenzija.

Informazzjoni mogħtija lilna minn Aġenzija Sapport.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks