Select Page

Nitkellmu ma’ Claire Micallef Pulè

Għidilna ftit dwarek.. min hi Claire Micallef Pulè?

Jien mill-Kalkara, għandi 52 sena, iż-żgħira fost erba’ aħwa, miżżewġa lil Vince Micallef Pulè għal dawn l-aħħar 26 sena u għandna tifla jisimha Kristina li għandha 19-il sena. Għandna kelb Yorkie li jismu Thor u huwa l-mimmi t’għajnejna. Għandi għal qalbi ħafna l-ferħ tal-maħbubin tiegħi u l-ftit ħbieb li nqishom bħala familja. Inħobb insajjar u meta jkun possibbli nlaqqa’ l-familja u l-ħbieb għall-ikel.

Inħobb naqra, speċjalment History Fiction Novels, inħobb il-mużika speċjalment il-mużika ta’ Elton John, Queen, Dire Straits u anke Zucchero u l-mużika Taljana. Inħobb ħafna l-baħar u meta jkun possibbli s-safar mal-familja tiegħi. Ilni naħdem fl-Uffiċċju tal-President minn April tal-1994 u fl-2009 ingħatajt l-inkarigu li namminstra l-Malta Community Chest Fund li hija l-fondazzjoni ta’ karità tal-President ta’ Malta.

X’inhu eżattament xogħlok?

Jien naħdem bħala Manager fl-Uffiċċju tal-Community Chest Fund, il-Palazz, Valletta. Xogħli hu li nara li t-talbiet li jagħmlu n-nies mal-MCCF jiġu ipproċessati u evalwati kif suppost. Qegħdin tim ta’ ħdax-il persuna u x-xogħol ma jieqafx. Jien nieħu ħsieb il-każijiet mediċi li jvarjaw bejn talbiet għall-aktar mediċina bażika u talbiet għal mediċina l-aktar avvanzata u ġdida fis-suq. Nieħu ħsieb ukoll każijiet ta’ pazjenti li jintbagħtu barra minn Malta biex jirċievu l-kura u każijiet ta’ talbiet ta’ persuni b’abbiltajiet differenti, bħal tagħmir speċjalizzat għalihom u anke terapiji varji.

Għidilna dwar l-irwol tiegħek fl-Istrina. Kemm ilek involuta? U xi jfisser għalik dan l-irwol?

Fl-Istrina xogħli hu li nieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam mall-pazjenti li jkunu ġew megħjuna mill-MCCF matul is-snin sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Ilni nvoluta fl-Istrina għal dawn l-aħħar 20 sena. Dan ir-rwol huwa impenjattiv, iżda ta’ sodisfazzjon kbir. Jien narah bħala l-premjazzjoni ta’ snin ta’ xogħol, għożża u attenzjoni lejn il-pazjenti maħbubin tagħna.

Naturalment il-ġimgħat ta’ qabel l-Istrina huma impenjattivi ħafna u l-ġranet huma twal; madanakollu nħossni onorata li nifforma parti minn dan il-proġett, li tista’ tgħid sar istituzzjoni nazzjonali fuq bażi annwali, xprunata mill-E.T. il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella, li ġġib lil kulħadd flimkien biex jgħin lill-marid, lill-batut, lill-fqir u lill-emarġinat.

L-importanza tal-Istrina hija kruċjali matul is-sena kollha. Għidilna ftit għaliex hija daqstant importanti u kif jinqasmu l-fondi kollha miġbura?

Is-suċċess tal-Istrina jfisser li se tkun tista’ tgħin lin-nies li jiġu bżonnha. Huwa l-qofol ta’ dak kollu li aħna naħdmu għalih. Jekk l-Istrina ma tkunx suċċess, ma nkunux nistgħu nkomplu u hija għal din ir-raġuni li aħna nieħdu daqstant xogħol biex infiehmu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha l-flus li huma jkunu taw bid-donazzjonijiet tagħhom fejn ikunu marru u għalfejn għad hemm bżonn tal-għajnuna tagħhom.

Kull talba li tidħol għall-għajnuna, żgħira jew kbira, tiġi evalwata minn Units speċifiċi. F’dawn il-Units hemm nies esperti fil-qasam rispettiv tagħhom, bħal konsulenti mediċi, persuni bi snin twal ta’ esperjenza fit-tmexxija medika, persuni b’esperjenza ma’ pazjenti li jsiefru barra minn Malta għall-kura, professjonisti oħra, bħal accountants u social workers u nies li ħadmu f’setturi relatati mat-talbiet li nirċievu. Kull każ jiġi evalwat, naraw it-talba hijiex ġenwina u jekk ingħatatx l-istess għajnuna qabel. Ikun hemm każijiet li jkollom jiġu riferuti lil aġenziji oħra, bħal persuni b’mard mentali, jew persuni b’vizzju tad-droga, jew vittmi ta’ użura. Il-Units imbagħad jiddeċiedu jekk it-talba timmeritax l-għajnuna u minn hemm jiġi deċiż l-għajnuna kemm se tkun u f’xi każi għal kemm tul ta’ żmien.

Rajt xi tip ta’ bidliet minn kemm ilek involuta?

It-talbiet huma varji u jinbidlu, speċjalment fejn tidħol il-kura tal-kimoterapija speċjalizzata. Il-qasam tal-mediċina tal-Onkoloġija jiżviluppa b’pass mgħaġġel, u dik il-kimoterapija li tliet snin ilu kienet ikkunsidrata bħala l-wonder drug illum diġà saret qadima.

Dawn l-aħħar snin impjegajna social workers magħna li x-xogħol tagħhom huwa li jagħmlu l-visti fid-djar u jiltaqgħu mal-applikanti li jkunu għamlu talbiet relatati mal-għajnuna bażika, bħal ikel, affarijiet bażiċi tad-dar u li huma relatati ma’ faqar. Is-social workers jidħlu fil-fond ma’ kull persuna. F’din il-parti ta’ xogħolna naraw u mmissu ma’ sitwazzjonijiet ta’ tbatija, li ħafna drabi tinżamm mistura u siekta minħabba l-mistħija u l-istigma li ġġib magħha.

Kif jintgħażlu l-persuni biex jirrakkontaw l-istorja tagħhom fil-filmati li jintwerew waqt l-Istrina?

Ħafna drabi meta nibda nsir naf dawn il-familji, f’qalbi ngħid, li kieku dawn jirrakkontaw minn xiex għaddew u għadhom għaddejjin, żgur li l-poplu Malti se jieqaf u jirrealizza x’għajnuna sabu bid-donazzjonijiet li jkunu taw. Ikun hemm pazjenti li huma stess joffru minn jeddhom li jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom u jkun hemm oħrajn li nistaqsuhom aħna. Naturalment ikun hemm min jgħidlek li ma jħossux kapaċi jitkellem, jew ġieli li jixtiequ iżda minħabba ċerti ċirkostanzi ma jkunux jistgħu. Aħna niltaqgħu magħhom, nitkellmu magħhom u huma jirrakkontaw l-istorja tagħhom, dwar l-MCCF u l-għajnuna li sabu, it-tama u l-wens li sabu fil-mumenti koroħ u kemm dan kollu kien kruċjali għalihom.

Stejjer li jinvolvu t-tfal l-ewwel jiġu riferuti lill-Aġenzija Sapport, fejn professjonisti mill-Aġenzija jiltaqgħu u jitkellmu mat-tfal u l-ġenituri tagħhom u ssir valutazzjoni, li abbażi tagħha, l-Aġenzija Sapport tagħti l-parir tagħha jekk għandhiex issir intervista jew le. Ġieli kien hemm każijiet fejn wara li dawn il-professjonisti tkellmu mal-persuni involuti, ingħatajna l-parir sabiex intervista ma ssirx. Aħna dejjem nimxu mal-parir li jkun ingħatalna mingħajr ebda mistoqsijiet.

Taħseb li kieku ma jkunx hemm filmati ta’ stejjer, jinġabru inqas flus?

Jiena konvinta li meta wieħed jisma’ rakkont ħaj minn persuna li għaddiet minn mard, li kellha tmur tgħix barra minn Malta ġieli għal snin sħaħ, li kellha tħalli l-familtha warajha u tmur għall-kura f’post il-bogħod bla familja u ħbieb, fejn l-ispejjeż tant kienu kbar u li kieku ma sabitx l-għajnuna ma kienx ikun possibbli għaliha, dak li jkun jieqaf u jaħseb u jibda jara perspettiva oħra tal-ħajja li għalkemm mimlija bi tbatija kbira u qtiegħ il-qalb, permezz tal-Istrina jsib l-opportunità li jagħmel differenza għalihom .

Jien nemmen li l-istejjer umani ta’ dawn in-nies li jkunu għaddew u missew ma’ dawn it-traġedji huma xiehda ħajja ta’ dak kollu li hi l-Istrina. Jien nista’ ndum nikteb s’għada l-istejjer li ltqajt magħhom dawn is-snin li ilni naħdem hawn, stejjer li għalkemm familjari magħhom xorta nsib lili nnifsi bid-dmugħ nieżel ma’ wiċċi, jew nistenbaħ f’nofs ta’ lejl ninkwieta fuqhom. Iżda meta tisma’ lil dik il-mara tgħidlek hi stess x’fissret għaliha l-għajnuna li sabet mill-MCCF, meta kellha ssiefer ma żewġha ta’ 32 sena, tħalli tifla ta’ 4 snin warajha Malta m’ommha, b’loan fuq id-dar, kellha tieqaf taħdem b’żewġha marid u mingħajr dħul minn imkien, iżda bl-għajnuna tal-MCCF setgħet tkun mar-raġel tagħha għal 9 xhur sħaħ mingħajr ma kellha qatt tinkwieta biex se tgħix; naħseb li dik ix-xiehda ta’ solidarjetà ħadd m’hu kapaċi itiha daqs dik il-mara.

Ma taħsibx li l-maġġoranza tal-poplu dara jimmotiva ruħu biex jagħti donazzjoni bil-mentalità tal-“miskin” u “jaħasra”?

Fl-opinjoni tiegħi aħna qatt m’ għandna nħarsu lejn xi ħadd bħala ‘miskin’ jew ‘jaħasra’.

Jien inħares lejn dawn ir-realtajiet b’mod aktar altruist u pożittiv; ejjew ngħinu lil dik il-familja li għandha tifel marid għax aħna għall-grazzja t’Alla f’saħħitna u m’hemm xejn isbaħ fid-dinja li tgħin mingħajr ma tippretendi xi ħaġa lura. Dak is-sabiħ tal-Istrina, eluf ta’ nies jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom għax jemmnu li dik id-donazzjoni se ssarraf f’tama u f’għajnuna tanġibbli.

Evidentament il-pandemija ħolqot sfidi kbar għal kulħadd speċjalment għal dawk li huma aktar fil-bżonn minn oħrajn. X’diffikultajiet l-aktar li jkollkom tiffaċċjaw minħabba l-pandemija?

Il-Pandemija biddlet ħafna affarijiet, anke fl-operat tagħna ta’ kuljum mal-pazjenti li jiġu jitolbu l-għajuna.

L-aktar parti li inħobb f’xogħli huwa r-rapport li nibni mal-pazjenti tagħna li jkollhom bżonn l-għajnuna. Ħafna drabi tgħanniqa ta’ kuraġġ jew sempliċement li pazjent iżżomlu idejh u ma tlissinx kelma – għax ħafna drabi fit-tbatija l-kliem mistħoqq tant hu diffiċli ssibu u nemmen li anke l-preżenza biss li biha l-pazjent iħossu li inti qed tagħti kasu – huma dak kollu li tista’ tagħti. Allura hija ta’ dwejjaq li dawn il-laqgħat importanti kellhom jinbidlu. Sfortunatament, issa qed nara l-pazjenti minn wara l-perspex, bil-maskra u bir-restrizzjonijiet. Madanakollu; xorta għadna hemm ghalihom u għalkemm mhux l-istess ħaġa u nimmisjaha, it-teknoloġija moderna għenet ukoll biex jinżamm il-kuntatt.

Iżda l-Pandemija sfortunatament ġabet sitwazzjoni li qatt ma rajna bħalha. Il-pazjenti qed isofru solitudni kbira, u solitudni li qatt ma ħlomna li b’xi mod setgħet tkun possibbli. Ħafna drabi minħabba l-Pandemija ma jistgħux jidħlu qraba fl-isptarijiet u l-pazjenti qed jgħaddu ħafna ħin waħedhom. Il-bniedem meta jkun waħdu għandu t-tendenza li jhewden u jinkwieta aktar u jimtela bl-ansjetà. Minħabba l-kwarantina imposta, ħafna mill-pazjenti li qed jintbagħtu għall-kura barra minn Malta qed jispiċċaw ikollhom jivvjaġġaw waħedhom u qabel ma tibda l-kura jew isir l-intervent iridu jagħmlu ħmistax-il ġurnata kwarantina, jew inkella min imur magħhom ikun hemm għall-vjaġġ biss għax l-isptar ma jkunx jista’ jidħol. Nittamaw li din is-sitwazzjoni tgħaddi kemm jista’ jkun malajr għal dawn il-pazjenti tagħna.

Bla dubju, kull storja li tiltaqa’ magħha tħalli impatt, iżda liema huma dawk li l-aktar ħallew impatt fuqek personali?

Il-biċċa l-kbira tal-istejjer iħallu impatt fuqi. Ħafna minn dawn in-nies issa saru ħbieb tiegħi u parti mill-familja estiża. Jiena nemmen li l-mard fuq it-tfal bidilni. Ma tistax ma tinbidilx meta tara ġmiel ta’ tifel ta’ ħames snin li l-ħajja qasira tiegħu aktar għexha fi sptarijiet milli d-dar. Ma tibqax tagħti każ affarijiet li huma frivoli. Li tipprova ittaffilom ftit minn din it-tbatija ssir il-prijorità ta’ ħajtek. Naħseb li hi impossibli li wieħed imiss ma’ dawn it-traġedji u ma jinbidilx.

Wieħed mill-aktar każijiet li baqa’ stampat f’moħħi hu ta’ ġuvni li qabel ma marad, hu u l-għarusa tiegħu kellhom id-data u l-preparamenti tat-tieġ lesti, iżda kellhom jipposponuhom minħabba li kellu jintbagħat b’urġenza għal kura f’Londra. Eventwalment ingħata l-aħbar li ma tantx seta’ jsir wisq. Ftit tal-ġranet wara nirċievi l-invit għat-tieġ tagħhom. Kien tieġ żgħir ħafna u meta taw il-wegħdiet lil xulxin, fil-parti tal-wiegħda ta’ fedeltà fil-mard u fis-saħħa, hu nfaqa’ jolfoq u aħna kollha kemm aħna preżenti bkejna miegħu, għax konna nafu t-toqol ta’ dik il-wiegħda; iżda xorta kien tieġ mimli ferħ u mħabba. It-tieġ kien f’Diċembru u f’Lulju ta’ wara, dan il-pazjent ħalliena. Għalkemm kien marid, xorta kien kapaċi jfittex il-ferħ u kien pożittiv.

Kif tipprepara lilek innifsek mentalment biex jirnexxilek tagħti dak kollu li tista’?

M’hemmx manwal jew xi mod maġiku kif tagħmlu dan ix-xogħol, iżda għalija hija sempliċi ħafna. Dejjem ngħid lili nnifsi: Kieku kien xi ħadd mill-familja tiegħi li għaddej minn dan l-inkwiet, jien x’inkun nixtieq? Mhux min jieqaf miegħi, joffrili spalla li nista’ nistrieħ fuqha u s-sapport? U dan il-ħsieb jgħinni biex fil-marid nara lil ħija jew lil oħti.

Fattur importanti ħafna għalija hu li nkun ippreparata spiritwalment ukoll. M’jienx qaddisa, żgur li le, iżda konvinta illi li kieku jien m’għandix il-fidi u l-imħabba t’Alla f’qalbi, dan ix-xogħol ma jirnexxilix nagħmlu.

X’inhu l-messaġġ tiegħek lill-pubbliku Malti u Għawdxi?

Aħna poplu li ħafna drabi mehdijin nargumentaw…. fuq il-politika, fuq il-festi, fuq il-futbol, xi kultant kważi nivvintaw fuq xiex se nqajmu polemika; iżda fejn tidħol is-soliderjatà lejn ħutna qatt ma niddiżappuntaw lil xulxin; u jekk nibqgħu inżommu f’moħħna u f’qalbna li permezz tal-għajuna tagħna lkoll kapaċi nagħmlu d-differenza, żgur li se nibqgħu inkunu hemm għal xulxin. Poplu żgħir, iżda b’qalb kbira li kapaċi jwarrab kull differenza u jkun solidari.

X’għandu jagħmel wieħed li jeħtieġ l-għajnuna tagħkom?

L-uffiċċju tagħna li jinsab il-Palazz il-Belt, normalment ikun miftuħ għall-pubbliku kull nhar ta’ Tnejn u Erbgħa filgħodu, fejn it-tim kollu jkun qiegħed jilqa’ l-pubbliku li jiġi jżurna. Nitkellmu man-nies u niggwidawhom skont il-mistoqsijiet tagħhom.

Minħabba l-pandemija bħalissa hemm min jippreferi li ma jiġix, iżda xorta jista’ jew iċempel 22053500, jew jibgħat email fuq mccf@gov.mt bit-talba tiegħu u aħna imbagħad nagħmlu kuntatt miegħu u niggwidawh skont il-każ.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks