Numru ta’ personalitajiet tant magħrufa magħkom is-segwaċi qasmu ma’ skoperta.net xi jfissru għalihom il-klieb tagħhom.
Wara sigħat twal ta’ filming jew xi rehearsal, dawn l-atturi jsibu l-klieb tagħhom jistennewhom biex jilqgħuhom b’ħafna ferħ u mħabba.

Patrick Tanti: Laika għalija tfisser ħafna. Timlili l-ġurnata bl-imħabba tagħha u jien dejjem nagħmel l-almu tiegħi biex filwaqt li ma nfissidhiex iżżejjed li nħassarha, nara li ma jkun jonqosha xejn. Nippjana l-ġurnata b’tali mod li ntiha kemm jista’ jkun ħin u attenzjoni. Kieku mingħajrha naħseb niżen xi 2 kilos iktar għax bis-saħħa taghha noħroġ nimxi mill-inqas nofs siegħa kuljum. Inħobbha ħafna!

Ryan u Maria Galea: Chloe ilha magħna għal dawn l-aħħar 12-il sena. Ir-Reġina tad-dar! Tqatta’ ħafna ħin magħna, neħduha kważi kullimkien għax toqgħod u tħobb toħroġ. Għandha diversi laqmijiet bħal Fifi, Bubi, Baby Bear, Amorucca u iżjed!

Charles Sammut: P-Jay (kelb bajdani) Noori (kelba samranija – isimha jfisser my light jew my fire). Żewġt iklieb li serqu l-qlub minn Sqallija fejn kienu klieb mitluqin. Issa Re u u Reġina. It-tnejn iħobbu l-fsied u l-mixi huwa l-isport favorit tagħhom. Id-dar baħħ mingħajrhom.

Hermann Bonaci: Lil Layla ħabbejtha mal-ewwel darba li rajtha meta kellha biss 4 ġimgħat u ngħid is-sew kelli ġenn biex infittex inġibha għandi imma ma stajtx għax kelli nistenna sakemm ikollha 8 ġimgħat. Meta wasal iż-żmien u mort għaliha, għannaqtha waħda kbira miegħi u wegħdtha li se nieħu ħsiebha daqs li kieku kienet waħda mit-tfal tiegħi. Illum li għandha 3 snin u ftit ġimgħat neħodha miegħi kullimkien kuljum, anke x-xogħol tiġi miegħi u saħansitra għandha s-sodda tagħha fl-istess kamra tas-sodda matrimonjali tagħna. Dan is-Sajf saret mamà għall-ewwel darba fejn kellha sitt iġriewi: Max Cooper, Cloe’, Zoe’ Hue’ u Simba li llum kollha qiegħdin għand familji tajba. Kultant jiġu jiltaqgħu magħha wkoll.Biss ma nistax ma’ nżidx li l-aktar ħaġa li tħobb hija, tilgħab bil-ballun, tilgħab bil-ballun u tilgħab bil-ballun….ma tieqafx kieku ttiha ċ-ċans. Din hija Layla l-kelba tiegħi tar-razza Border Collie li tant inħobb – il-ħabiba leali ta’ dejjem.

Lydia Portelli: Tilly ġiet f’ħajti bla ħsieb meta kellha sena u nofs. Inħobbha immensament u qisha d-dell tiegħi. Nipprova neħodha kullimkien miegħi u jiddispjaċini li għad hawn postijiet li ma jiħdux gost bl-annimali. Nixtieq li kull kelb isib l-imħabba li sabet Tilly.

Bryan Muscat: Millie u Kiki. Jien inħobb il-klieb kollha, imma ovvjament inħobb aktar lill-klieb tiegħi. Il-klieb kollha li kelli mlewli ħajti b’imħabba pura u ferħ. Jimlew vojt li qatt ma kont taf li kellek.

Joseph Agius: Lellina u Pina, aħwa u fid-29 ta’ Jannar jagħlqu sena. Ħmistax-il ġurnata wara li twieldu mietet ommhom u konna nisquhom aħna kull 3 sigħat. Irnexxielna nsalvawhom u allura l-bond inħossuh ħafna aktar minħabba li għaddew minnu. Darrejthom l-idejn u spiċċaw li jkunu jridu jitilgħu fuq kulħadd. Inħobbhom ħafna u jnessuni kollox.

Clive Piscopo: Siri hija l-beagle imqarba tal-familja … jew aħjar, ir-Reġina tad-dar. L-għaxqa tagħha torqod, tiekol, tikkummiedja, u terġa’ tiekol. Għajnejha jkellmuk. Imlitilna d-dar b’ħafna mħabba, fsied u praspar.

Fabian Scerri De Carlo: Sky ġie salvat 11-il sena ilu minn għalqa fl-Imqabba. Huwa ta’ razza mħallta, chihuahua u fox terrier. Minn dakinhar ġejna ippremjati b’imħabba pura mingħajr kundizzjonijiet.

Analise Mifsud: Ma nafx x’nagħmel mingħajr Russell tiegħi! Isebbaħli ħajti u jimla kull ġurnata b’imħabba u ħlewwa kbira. Kelb intelliġentissimu illi fih insib l-aqwa ħabib tal-qalb tiegħi.

Vince Micallef Pulè: Dan hu Thor. Ħames snin ta’ mħabba bla kundizzjoni… Ħames snin jorqod u jqum miegħi… Ħames snin jarani sejjer għax-xogħol kull filgħodu… Ħames snin kuljum jilqagħni lura d-dar b’ferħ li ma tistax tispjegah… Ma nafx kif għext qabel ma ġie hu… Ma rridx naħseb fil-mument meta xi darba għad ninfirdu.

Kurt Castillo: Figaro (L-abjad) u Othello (L-iswed) qishom aħwa, jaqbdu ma’ xulxin però ma joqgħodux mingħajr xulxin! Ħajjitna xi ftit jew wisq iddur madwarhom u ħafna deċiżjonijiet u pjanijiet jinvolvu lilhom. Meta kont tifel qatt ma kellna pet però issa ma nimmaġinanix mingħajrhom. Ħafna mħabba bla kundizzjoni – dejjem ferħanin li jarawni, dejjem jistennewni niġi lura d-dar, dejjem jagħtuni bonġu ħelu. Veru nixtieq li kont dik il-persuna li jaħsbu li jien il-klieb tiegħi!

Abigail Mallia: Kaya (labrador), Wendy (tal-kaċċa) u Reggie (l-iswed bil-hoodie). Il-klieb ġabu bidla kbira f’ħajti… għallmuni kif nieħu l-ħajja iktar bil-mod, kif naqta’ mix-xogħol pereżempju, u kif ngħix il-mument. Ma nistax nimmaġina ħajti mingħajr il-klieb, u kabbruli l-imħabba li għandi lejn l-annimali kollha, u n-natura.

Alvin Cacciattolo: Pippo u Pippa. Il-kelb hu wieħed mill-aqwa ħbieb li jista’ jkollu l-bniedem. Jien inkellimhom qishom ħbieb tiegħi, għalija huma parti mill-familja. Ħafna drabi meta jkollok kelb issir tħobb l-annimali kollha u nemmen li għandna ħafna x’nitgħallmu minnhom.

Kim Dalli: Pip huwa l-mimmi t’għajnejja. Avolja propju llum għalaq 11-il sena, għalija baqa’ dik il-kobba suf li kont ġibt lura fl-2010. Huwa sors ta’ imħabba inkredibbli, kif ukoll sors ta’ wens. Li nqatta’ l-ħin miegħu huwa ta’ terapija fih innifsu u dejjem inkun ħerqana li narah u nfissdu ftit.

Ivan u Simone De Battista: Wara żewġ subien, u ċertu perjodu ta’ snin b’qattusa d-dar, waslet Chloe, illi nħossu li qisu daħal membru ieħor ġdid fil-familja – it-tifla ċ-ċkejkna. Ġabet sett ta’ rigali magħha, fosthom imħabba bla qies u ferħ inspjegabbli. Is-sbuħija ta’ din il-kelba Shi Tzu, li aħna qatt ma għaddejna minnha għaliex qatt ma kellna klieb tal-ebda razza d-dar, hija l-istennija u l-ferħ ta’ ġenn li jaqbadha meta tilqa’ membru li ma jkunx id-dar. Huwa mument li jiġġedded kull darba li wieħed minnha jasal lura d-dar. Ħafna drabi d-diskors jaqa’ fuqha, u t-tfal jilgħabu ħafna magħha. Hija maħbuba mhux biss minnha, imma wkoll mill-familji tagħna għaliex hi tilqa’ lil kulħadd u tifraħ b’kulħadd. In-nanniet għalihom, hija l-mimmi t’għajnejhom, u sikwit jtennu kemm daħlet f’qalbhom u qed tħalli t-timbru ċkejken tagħha. Nemmnu li l-klieb huma rigal sħiħ mingħand Alla lill-bniedem, sabiex jagħti l-wens u l-imħabba li kultant, anqas il-bniedem stess mhu kapaċi jagħtiha. M’hemmx kundizzjonijiet fl-imħabba tagħhom!
Fil-ġimgħat li ġejjin ħa nkomplu nlaqqgħukom ma’ aktar personalitajiet u l-pets tagħhom!
