Angelo Caruana, Pierre Farrugia u Vince Bonello Pukka, grupp ta’ tliet persuni li qiegħdin iduru Malta u jagħmlu diversi avventuri bħal trekking, abseiling, kayaking, cylcing, caving u jesploraw irkejjen prezzjużi li ħafna minn lanqas biss nafu li jeżistu!

Għamlu kuntatt ma’ skoperta.net fejn qasmu magħna l-aħħar avventura li għamlu, u li huma jqisuha bħala waħda speċjali u l-isbaħ li kellhom s’issa. Din id-darba kien imiss li jesploraw Għar il-Friefet li jinsab ġewwa Birżebbuġa.

Mill-ftit informazzjoni li rnexxielhom isibu minn fuq l-internet, Għar il-Friefet ġie iffurmat matul is-snin, huwa maqsum fuq żewġ livelli, u kif jindika sew mill-isem huwa għar fejn kienu jgħixu l-friefet il-lejl.

Permezz ta’ mappa li sabu minn fuq l-internet, setgħu jiskopru passaġġi u daħliet, ħafna minnhom dojoq u baxxi mimlijin tajn, li minnhom kellhom jgħaddu biex jesploraw dan l-għar.

Fil-filmat li tellgħu fil-YouTube Channel tagħhom ta’ din l-avventura, wieħed jista’ jinnota li qagħdu attenti ħafna biex ma jagħmlux ħsara l-eko-sistema ta’ dan l-għar, kif ukoll minħabba li skont informazzjoni li ngħataw, hemm ċerti dud li jinstabu hemmhekk biss.

Spikkat ukoll l-importanza li wieħed ma jżurx postijiet bħal dawn waħdu, għaliex ċerti daħliet ikunu aktar diffiċli u perikolużi minn oħrajn u bil-fors irid ikollok għajnuna ta’ xi ħaddieħor biex tgħaddi minnhom.

Minn informazzjoni li rnexxielhom jakkwistaw indikat ukoll il-possibilità li x’imkien f’dan l-għar hemm passaġġ li jagħti għal Għar Dalam.

Minkejja li mhijiex facli biex wieħed jesplora post bħal dan minħabba li fih diversi karatteristiċi partikolari, din l-avventura kienet waħda ta’ suċċess.

“Meta ngħidu nesploraw, litteralment peress li ma sibna l-ebda filmat dwaru, kull ma sibna naqra informazzjoni fuq l-internet. Kellimna lis-Sindku u l-Kunsill ta’ Birżebbuġa u l-għajnuna li sibna mingħandhom kienet iċ-ċavetta biex seta’ jirnexxilna nagħmlu din l-avventura.” jgħidulna.

Jappellaw ukoll li minbarra li wieħed għandu jieħu ħsieb is-sigurtà tiegħu nnifsu meta jżur postijiet bħal dawn, għandu wkoll igawdi dan il-wirt prezzjuż filwaqt li joqgħod attent li ma jagħmilx ħsara.

Segwi l-vjaġġ ta’ din l-avventura permezz ta’ dan il-filmat:

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks