Dan it-torri jifforma parti mid-difiża tal-kosta Maltija li nbniet fi żmien il-Kavallieri. Kienu tliet Gran Mastri li bnew dawn it-torrijiet madwar Malta kollha.
L-ewwel wieħed kien il-Gran Mastru Wignacourt, warajh kompla Lascaris u spiċċahom De Redin. Il-Gran Mastru Lascaris bena b’kollox 9 minn dawn it-torrijiet u dak magħruf bħala Torri Sant Agata jew it-Torri l-Aħmar fil-Mellieħa. Dan ta’ Wied iż-Żurrieq magħruf bħala Torri Xutu huwa wieħed minn ta’ Lascaris.
Dawn it-torrijiet ingħaqdu fid-difiża tal-kosta mall-ħames Kastelli li kien diġà bena qablu l-Gran Mastru Wignacourt.
Iktar trad fl-istorja nsibu li l-Gran Mastru De Redin bena 13-il torri ieħor biex għaqqad kompletament id-difiża kostali ta’postijiet strateġiċi tal-gżira ta’ Malta. Minn żmien għal żmien kienu nbnew ukoll numru ta’ torrijiet fil-gżira t’Għawdex biex ukoll jgħassu fuq il-kosta ta’ din il-gżira. Dak li naraw fuq Kemmuna huwa wieħed minn dawk li bena Wignacourt.
It-Torri Xutu jiddefendi id-daħla ta’ Wied iż-Żurrieq kif ukoll id-daħla ta’ Wied Babu. Dan it-torri għandu kuntatt viżiv mat-torri tal-Ħamrija li jinsab viċin it-tempju tal-Imnajdra u fuq in-naħa l-oħra jagħmel kuntatt viżiv mat-torri tal-Wardija fil-limiti taż-Żurrieq.
Għal ħafna żmien dan it-torri kien iservi bħala għassa tal-pulizija għal Wied iż-Żurrieq imma riċentament dan ġie restawrat u llum jinsab taħt il-kustodja ta’ Din l-Art Ħelwa.

Kontributur