Għamilt mossa lil Maggie u ntfajna mal-bar.
Oħroġ il-għaġeb, rajt lil Maggie qisha naqra aġitata. Donnha ma kinitx qiegħda f’postha.
“Xi ġralek sbejħa?” staqsejtha jien, hekk kif xtrajt flixkun vodka u bdejt inferra fit-tazza tiegħi u tagħha.
“U le xejn………imma qiegħda ninkwieta minħabba li smajt fuq it-televixin biex ma nixorbux u nsuqu……..” qaltli b’leħen baxx, bilkemm jinstemà.
“U ejja………Maggie………..ser tibqa’ sejra biha din? Mhux diġa ddiskutejniha? Toqgħodx tinkwieta…….!”
U dak il-ħin, ġew madwarna xi għaxart iħbieb tiegħi minn tax-xogħol u lanqas ħallewni nkompli nkellimha! Billi kienu man-nisa tagħhom, dawk marru jitkellmu ma’ Maggie u jiena ħassejtni komdu nkompli magħhom.
U flixkun iġib ieħor.
U ieħor.
U anke ieħor.
U xrobna…………
Xrobna sew……………
Ngħidilkom il-verità, fl-aħħar parti tas-serata, hekk kif kienu ilhom li qagħdu jgħoddu l-bidu tas-sena l-ġdida xi sagħtejn jew anke aktar, ma bqajtx nara sew sal-aħħar. Donnu ċ-ċpar kien beda jtappanli l-viżta tan-nuċċali tad-ditta li kelli quddiem għajnejja.
Ħarist lejn Maggie u rajtha titkellem man-nisa ta’ sħabi u tħares lejja minn taħt. Wiċċha kien donnu qed idur quddiemi.
“Qalbi……” rajt xufftejha jgħiduli bilmod. “Trid immorru?” staqsietni. Lanqas kont rajtha ġejja ħdejja!
Għorokt ftit għajnejja u ħarist lejha. Ma kontx qed naraha ċara.
“Immorru ta……..imma mhux issa……” weġibtha, inħossni kemmxejn imqareb u nħares lejn il-flixkun tal-whisky li kont qed nixrob minnu.
Dawk l-imgħarrqin ta’ sħabi kienu ħalltu x-xorb u kien ħadni sew!
“Eric…….qed tinkwetani……..” qaltli.
“U le, pupa, tinkwieta xejn, sabiħa tiegħi!” komplejt ngħidilha.
U biex inkun għidt kollox, ġebbidna sagħtejn oħra. U ngħidilkom li lil sħabi kont qed narahom għoqda sħiħa.
“Tiflaħ issuq?” staqsietni Maggie, kemmxejn inkwetata hekk kif ratni qed inkaxkar kemmxejn saqajja sakemm wasalna ħdejn il-karozza.
“U ma tafx!” weġibtha, nidħaq bija nnifsi.
Kemm kont ħadt gost! Imma din li rasi kienet qiegħda ddur, kienet qed iddejjaqni mhux ftit!
“Qalbi……..” qaltli.
“U ejja………..”
“Tridx inċempel lil xi ħadd jiġi għalina?” staqsietni.
Ma ridtx naf. Jien kont se nsuq lura.
Il-ġimgħa d-dieħla…..ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi