Select Page

Għandek bżonn: (Għal 3 persuni)

Sitt nofsijiet tas-sider tat-tiġieġ
Mgħarfa tursin frisk
Mgħarfa oregano
Mgħarfa hot paprika
Mgħarfa sweet paprika
Raxxa Bżar
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
600g għaġin Cellentani mgħolli ‘al dente’
200g faqqiegħ imqatta’
Basla mqatta rqiqa
Kuċċarina tewm imqatta’ fin
100ml inbid abjad
50g tadam imqadded imqatta’
200ml stokk tat-tiġieġ
200ml krema friska
Mgħarfa ħabaq frisk imqatta’
50g pecorino maħkuk
50g parmesan maħkuk
50g mozzarella maħkuk

Nota: Peres li din ir-riċetta fiha xi ingredjenti milħin, jien ma nżidx melħ waqt it-tisjir.

Metodu:

Ħallat iż-żejt taż-żebbuġa mat-tursin, l-oregano, il-hot paprika, is-sweet, u l-bżar.
Idlek din it-taħlita fuq l-isdra tat-tiġieġ sakemm ikunu miksija sew.

F’taġen fond ‘nonstick’ aqli l-isdra tat-tiġieġ sakemm ikunu msajjrin kompletament (madwar 8 minuti fuq kull naħa).

Neħħi t-tiġieġ mit-taġen, aqta’ kull biċċa sider fi flieli ħoxnin, u warrabhom f’post sħun sakemm tlesti l-kumplament tat-tisjira.

Fl-istess taġen, aqli l-basla, it-tewm u l-faqqiegħ sakemm tara li rtabu.

Żid l-inbid u ħallih itektek għal ftit minuti sakemm l-inbid jevapora.

Żid it-tadam l-imqadded, l-istokk tat-tiġieġ u l-krema friska.
Ħawwad fuq nar baxx sakemm ikun ħa jiftaħ jagħli.

Żid it-tliet tipi ta’ ġobon u ibqa’ ħawwad fuq nar baxx ħafna sakemm il-ġobon kollu jinħall.

Żid iċ-cellentani u l-ħabaq u ħawwad sakemm l-ingredjenti kollha jitħalltu sewwa.

Aqsam l-għaġin f’porzjonijiet fil-platt, u servi b’sider tat-tiġieġ imfellel fuq kull platt.

L-ikla t-tajba 🙂

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks