Grazzi ħafna tar-rispons kontinwu tagħkom.
Napprezzaw ukoll meta intom tistaqsuna għal suġġetti li jinteressawkom..
Fil-fatt xi ħadd tkellem magħna dwar kemm mhijiex faċli meta naraw lil xi ħadd li nħobbu jissielet ma’ problemi ta’ saħħa mentali u probabbli ninfixlu u ma nkunux nafu kif se nkunu hemm għalih.. u għalhekk għażilt li llum nitkellem dwar dan..
Kulħadd huwa differenti u allura m’hemmx xi formola partikolari kif nistgħu nsolvu l-problema, però dejjem hemm strateġiji li jistgħu jgħinuna biex inkunu ta’ sapport fejn nistgħu, u kemm nistgħu..
Ejjew naraw dawn il-punti flimkien..
Niskopru x’inhi l-problema..
Jista’ jkun li jkun hemm dijanjosi ċara li tkun maħruġa mingħand psikjatra u jista’ jkun li l-imġieba u l-attitudni tal-persuna tkun waħda partikolari jew mhux tas-soltu u kważi kważi tkun inkwetanti…u allura nindunaw li l-affarijiet mhux qiedgħin sew..
Pereżempju meta naraw li l-persuna qed tinqata’ jew tiġġieled ma’ kulħadd, problemi partikolari l-iskola, fuq il-post tax- xogħol jew anke f’attivitajiet soċjali u xi drabi wkoll bidliet drastiċi fl-ikel u fl-irqad..
Dawn il-punti jistgħu juruna li l-persuna għaddejja minn żmien diffiċli u tajjeb li nkellmu professjonist biex jekk nirrealizzaw li dak li jkun jkun qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali nkunu nistgħu niffaċċjaw il-problema mill-aktar fis possibli…
Naraw kif se niffaċċjaw il-problema..
Dan hu pass importanti u kważi kważi wieħed mill-aktar diffiċli. Infatti kif se nibdew il-konverżazzjoni tagħmel differenza kbira…
Ħaġa importanti hi li nuru lill-persuna li aħna qiegħdin hemm biex nisimgħuha u mhux biex nagħtu parir jew ġudizzju ta’ kif qed tħossha..
Nistgħu nibdew id-diskors billi ngħidulha.. “Jien inkwetat/a għalik … u ninsab hawn biex nisimgħak…”
M’għandniex nitkellmu “ għax inti hekk… jew għandek tagħmel hekk” għax li jiġri hu nispiċċaw noħonqu lill-persuna milli tesprimi l-emozzjonijiet tagħha minflok ngħinuha titkellem..
Nistgħu ninkoraġġixxu lill-persuni jitkellmu ma’ professjonist billi ngħidulhom li min hu b’saħħtu jitkellem u mhux viċi versa. Nistgħu ngħidulhom ukoll li kieku qed ninkwetaw li għandhom pereżempju d-dijabete dawn ġeneralment imorru immedjatament għand tabib… biex jagħmlu check up…
Allura x’fiha ħażin billi wieħed jieħu ħsieb is-saħħa mentali ukoll?
Informa ruħek dwar it-tipi ta’ kundizzjonijiet li jeżistu u xi trattament jeżisti..
Aktar ma tifhem il-kundizzjoni tal-persuna aktar hemm ċans li tħossok f’pożizzjoni li tissapportja lil dak li jkun. Aktar ma tkun taf dwar terapiji u trattamenti differenti, aktar hemm ċans li tkun kunfidenti milli tibża’ tissapportja lill-persuna li għandha bżonn.
Ftakar li m’hemmx għalfejn tkun espert biex turi sapport ġenwin.
Importanti li tkun ippreparat għal possibilità ta’ intoppi li jistgħu jinqalgħu..
Aktar ma tinforma ruħek aktar tkun ippreparat u mhux tinqabad fuq sieq waħda fis-siegħa tal-bżonn.
Importanti li ma ġġorx din il-problema waħdek..
Importanti li anke inti jkollok ma’ min titkellem u lil min tafda għax huwa impossibbli li ġġor il-problema waħdek.
Jekk hemm bżonn fittex is-sapport ta’ professjonist.
Importanti li tkun reali fil-progress li qed tistenna għaliex is- soluzzjoni mhix dejjem faċli.. kultant ikollna ngħixu bil-kundizzjoni… u nitgħallmu nimxu magħha…
Xi kultant ikun hemm bżonn iż-żmien biex xi ħaġa tissolva.. ikun hemm bżonn proċess twil u mhux dejjem faċli…
Jista’ jkun li l-persuna li qed tbati ma tkunx f’pożizzjoni li turi apprezzament, iżda l-fatt li tkun hemm għaliha huwa importanti..
Tajjeb li nifhmu li dawn huma sitwazzjonijiet delikati u jirrikjedu sapport, paċenzja, tama u ħin..
Taqtax qalbek..
U dejjem fittex l-għajnuna li hemm bżonn…

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406