Ilbieraħ, f’diskussjoni miftuħa organizzata mit-Taqsima tar-Responsabbiltà Soċjali fil-Futbol tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, fejn fiha ħadu sehem 20 stakeholder minn setturi differenti, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli ħabbret li tgħajjir lill-persuni b’diżabilità se jibda jitqies bħala reat kriminali.

Fid-diskors tagħha l-Ministru Farrugia Portelli enfasizzat fuq il-bżonn li nkunu kuraġġużi u ma nibżgħux nieħdu d-deċiżjonijiet sabiex soċjetà tara riżultati fl-inklużjoni. Għaldaqstant qalet li d-drittijiet ta’ persuna b’diżabilità jeħtieġ li jitħarsu għal meta xi ħadd jasal sal-punt li jirredikolaha, jheddidha jew saħansitra jqiegħdilha ħajjitha fil-periklu.

Fuq il-midja soċjali kien hemm reazzjonijiet differenti għal dan li ħabbret il-Ministru. Bosta esprimew l-opinjoni tagħhom, dik li assolutament jaqblu ma’ din id-deċiżjoni filwaqt li oħrajn ħassew li deċiżjoni bħal din ma tirrapreżentax l-inklużjoni iżda tkompli tpoġġi l-persuni msemmija f’kategorija differenti minn dik tal-kumplament tas-soċjetà.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks