Aġenzija Sapport hi l-Aġenzija Nazzjonali li toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità u l-familja tagħhom. L-Aġenzija twettaq dan ix-xogħol b’mod olistiku u dejjem fl-aħjar interess tal-persuni b’diżabilità, għal kwalità ta’ għajxien aħjar u indipendenti. Is-servizzi li jingħataw huma żviluppati b’mod personalizzat, jiġifieri skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi personali ta’ kull każ.
Meta persuna tagħmel l-ewwel kuntatt mal-Aġenzija, din tgħaddi għand is-Servizz tal-Assessjar u Interventi – tim magħmul minn diversi professjonisti fosthom Social Workers, Occupational Therapists, Speech & Language Pathologists u anke Physiotherapists. Din il-varjetà ta’ professjonisti tassigura li l-persuna li tkun irreferiet lejn l-Aġenzija, isirilha assessjar komplut sabiex tingħata s-servizzi kollha li teħtieġ skont il-bżonnijiet partikolari tagħha. F’dan il-kuntest, il-Ħaddiema Soċjali għandhom rwol kruċjali. Dawn jipprovdu gwida u sapport lil persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, kif ukoll jgħinu biex ikollhom l-appoġġ meħtieġ tas-servizzi neċessarji kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, waqt li jaħdmu fil-qrib u b’kollaborazzjoni ma’ professjonisti minn entitajiet oħra dejjem għall-benefiċċju tal-persuna b’diżabilità.
Fl-istadju tal-assessjar jiġi determinat ukoll l-urġenza tal-każ. L-Aġenzija tara kull każ b’mod individwali u għalhekk jekk wieħed jgħid li għandu bżonn ta’ servizz naraw eżatt l-każ x’inhu. Apparti hekk naraw illi persuna mhux ġie rreferut lejn servizz bla ħsieb jew kontra l-benesseri u x-xewqa tiegħu.
Sabiex jassisti l-persuna b’diżabilità u il-familja, is-Social Worker jgħin billi:
- Jirrispondi għal xi mistoqsijiet u jagħti nformazzjoni fuq it-tipi differenti ta’ sapport provdut
- Jitkellem f’isem il-persuna b’diżabilità jekk id-drittijiet u l-opportunitajiet tal-persuna jistgħu ikunu mxekkla
- Jintervjeni f’isem il-klijent sabiex jirċievi servizzi intitolati
- Jorganizzaw workshops u support groups għall-ġenituri u l-aħwa ta’ persuni b’diżabilità
- Jagħmlu parti minn tim multi dixxiplinarju ta’ servizzi oħra fl-Aġenzija
- Jirreferi ghal xi servizzi li l-klijent jkun jista jkun intitolat għalihom bħal servizzi fil-komunità, servizzi residenzjali, servizzi ta’ matul il-jum, skemi, kif ukoll servizzi offruti minn dipartimenti / entitajiet/ għaqdiet mhux governattivi oħra.
Huwa għalhekk li r-rwol ta’ Social Worker jinvolvi kuntatt dirett mal-klijenti u huwa l-bażi minn fejn jibda l-pjan sabiex jintlaħqu x-xewqat u l-bżonnijiet tal-klijent u l-familjari tagħhom.
Wieħed jista’ jibda jibbenefika mis-servizzi tal-Aġenzija Sapport jew billi jagħmel kuntatt dirett mal-Aġenzija jew inkella jiġi referut minn professjonisti oħrajn li forsi jkunu diġa’ qed jaħdmu mal-persuna. Jistgħu japplikaw persuni li għandhom xi tip ta’ diżabilità fiżika u/jew intelletwali u li l-età tagħhom tvarja mit-twelid sa sittin sena.

Għal aktar dettalji fuq kif wieħed jista’ jingħaqad mat-tim ta’ Social Workers ta’ Aġenzija Sapport, wieħed jista’ jżur is-sit www.sapport.gov.mt.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija u s-servizzi li toffri, wieħed għandu jċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija (Freephone 153 u għafas 5) jew inkella l-uffiċini fuq 2256 8000 (Malta) u 2156 9909 (Għawdex). Wieħed jista’ wkoll isegwi l-midja soċjali tal-Aġenzija.
Informazzjoni mogħtija lilna minn Aġenzija Sapport.
