Select Page

Kull sena, l-4 ta’ Frar huwa osservat bħala l-Jum Dinji tal-Kanċer sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer u titnaqqas l-istigma fuq din il-marda li hija t-tieni kawża ewlenija ta’ mwiet globalment.

Dan il-jum internazzjonali huwa inizjattiva ta’ għaqda globali immexxija mill-Union of International Cancer Control (UICC) u huwa maħsub biex jinkoraġġixxi l-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament tal-kanċer kmieni kemm jista’ jkun.

Il-Jum Dinji tal-Kanċer ġie stabbilit għall-ewwel darba fis-Summit Dinji tal-Kanċer kontra l-kanċer għall-Millenju l-Ġdid li sar f’Pariġi, fl-4 ta’ Frar, 2000.

Sa mill-bidu tiegħu, il-Jum Dinji tal-Kanċer ġie osservat billi jinżammu ċerti temi li jiggwidaw l-aġenda taċ-ċelebrazzjonijiet u l-kampanji. Fl-2019 ġiet introdotta t-tema ‘I am and I will’ u kellha titkompla sal-2021. Il-kampanja hija iffukata fuq il-komunità kollha kemm hi u l-azzjonijiet li kull individwu jista’ jieħu biex inaqqas l-impatt globali tal-kanċer.

Skont is-sit elettroniku tal-Jum Dinji tal-Kanċer, l-għan primarju huwa li tiffoka fuq azzjonijiet pożittivi sabiex tilħaq il-mira li tnaqqas in-numru ta’ mwiet prematuri minn kanċer u mard ieħor li ma jitteħidx b’1/3 sal-2030.

Nibqgħu nisħqu dejjem l-importanza li minbarra li nieħdu tagħna nfusna billi ngħixu stil ta’ ħajja kemm jista’ jkun sana, niċċekkjaw u neżaminaw ġisimna b’mod regolari ħalli f’każ li ninnutaw xi ħaġa li mhijiex tas-soltu nkunu nistgħu nieħdu azzjoni mill-ewwel.

Minkejja li l-kelma nnifisha ‘kanċer’ tqanqal ċerta diqa u biża’, tajjeb niftakru wkoll li għalkemm mhux dejjem, imma ħafna drabi l-possibilità ta’ tama tkun hemm ukoll, speċjalment meta jkun hemm dijanjosi fil-bidu tal-marda.

Il-kura mediċinali hija ħafna drabi neċessarja iżda daqstant ieħor huwa importanti li tieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tiegħek b’kull mod li tista’.

Tiddejjaqx tfittex l-għajnuna..

Ikkumenta
Enable Notifications    OK No thanks