F’intervista li kellu reċentement, l-attur ta’ 56 sena Rob Lowe jiżvela li ma jiddispjaċih xejn li rrifjuta li jinterpreta l-karattru ta’ Dr Derek Sheperd, magħruf bhala McDreamy, fis-sensiela Grey’s Anatomy.

Il-karattru ta’ McDreamy ġie interpretat mill-attur Patrick Dempsey. Karattru li dam għaddej mill-2005 sal-2015, u reċentement b’sorpriża għas-segwaċi tas-sensiela Grey’s Anatomy, reġa’ għamel dan il-karattru waqt il-premiere tas-17-il staġun, f’Novembru li għadda waqt waħda mill-ħolm ta’ Meredith Grey (Ellen Pompeo) waqt li kienet qed tiġġieled il-battalja kiefra tal-Covid-19.

L-attur Rob Lowe qal li kieku għamel dik il-parti hu ma kinitx tkun interessanti u tagħmel daqstant suċċess daqskemm kienet interpretata minn Patrick Dempsey. “Kieku kont jien, il-fans ma kinux isejħuli ‘McDreamy’, kienu jsejħuli Rob Lowe”, qal Lowe.

Minbarra l-ħsieb li Dempsey kien aktar adattat għall-parti, Lowe qal li jinsab grat li ħa dik id-deċiżjoni anki minħabba opportunitajiet oħra li aktar tard kellu u li seta’ jikkommetti ruħu għalihom, fosthom is-sensiela komika Parks and Recreation, li kienet tant importanti għall-karriera tiegħu.

“Tkun xi tkun id-deċiżjoni li tasal għaliha, jekk tasal għaliha minn intenzjonijiet tajba, qatt mhi ħażina” qal Lowe.

Bħalissa Rob Lowe qed jinterpreta l-karattru ta’ Owen Strand fis-sensiela 9-1-1: Lonestar, li hija spin-off tas-sensiela 9-1-1.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks