Select Page

10 snin ta’ servizz mill-Willingness Team, imma x’inhu l-għan u kif evolva matul is-snin?

Mhux soltu tisma’ b’negozju li jwiegħed li jagħti lura 40% tal-profitti lill-komunità li fiha jiffunzjona. Jemmnu ħafna li l-professjonist jagħti lura lis-soċjeta tal-ħafna li jagħtuh il-klijenti, u għalhekk Willingness Team kull sena jaghti lura lill-komunità 40 ewro minn kull 100 li jibqagħlu profit fl-aħħar tas-sena. Dawn jagħtihom permezz ta’ talks, training, u sezzjonijiet sussidjati lil min għandu bżonn u vera ma jaffordjax.

Willingness Team twaqqaf fl-2011 mill-fundatur u counsellor Matthew Bartolo. Willingness Team huwa tim ta’ 49 professjonist li jispeċjalizzaw fil-qasam tas-saħħa sesswali, saħħa fiżika, saħħa mentali u l-familja. Matul dawn l-aħħar għaxar snin Willingness Team kiber u organizza diversi workshops, konferenzi lokali u internazzjonali, u taħdidiet bl-iskop li ngħallmu l-individwi u familji jkunu aktar reżiljenti.

Fost id-diversi seminars, iddiskutew 23 suġġett li jitqiesu bħala tabù, u li ma tantx aħna imdorrijin li nitkellmu dwarhom bħas-sess, pedofelija, abort, infedelta, korriment, saħħa mentali tat-tobba, li tkun LGBTIQ+ f’Malta, suwiċidju fost ħafna oħrajn. Grazzi għal 49 professjonist li ngħaqdu flimkien, setgħu joħolqu netwerk u komunità li qed tappoġġja missjoni importanti.

Il-missjoni tal-Willingness Team hi li ġġib professjonisti u studenti flimkien biex jiġġieldu l-istigma tas-saħħa mentali billi jħeġġu ‘r-rieda li tadatta’. Il-viżjoni tagħhom hija soċjetà reżiljenti konxja minnha nnifisha, kapaċi tindirizza s-saħħa mentali b’mod effettiv u tadatta għall-avversitajiet tal-ħajja aktar faċilment. Biex jagħmlu dan isegwu l-valuri tal-professjonalità, l-approċċabilità, il-prattika ibbażata fuq l-evidenza, u t-tim.

Kif nistgħu nkomplu nkomplu niġġieldu l-istigma tas-saħħa mentali flimkien?

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks