Ressaq ħuġġbejh mimlija nemex sbieħ li kienu jikkumplimentaw il-karnaġġjon bajdani ta’ wiċċu mal-ħġieġ kiesaħ li kien hemm fil-klassi.
Kollha kienu telqu.
Sħabu kienu ħarġu. Ħa nifs twil hekk kif induna li l-ewwel taqbida kienet bil-lest. Però kien għadu qed jibża’ minn dak li kien għadu ġej għalih; x’ħin ikun se joħroġ mill-grawnd tal-iskola. Kuljum kienu jistennewh. Hekk kif ħareġ ilsienu fuq xufftejh beda jtiegħem il-melħ tad-dmugħ tiegħu stess. Beda jħoss qalbu tħabbat bil-qawwi. Għalkemm kien beżgħan ħafna mid-daqqiet tas-soltu, id-dwejjaq li kienu qiegħdin jifnuh kienu qegħdin jieħdu kontroll ta’ ġismu kollu.
Niżel kokka mal-art u beda jiġbor il-lapsijiet u l-kotba mxerrdin mal-art. Bir-rogħda f’idejh tefagħhom la kafkaf fil-basket.
Demgħa mal-art.
Kienu reġgħu daħqu bih u qagħdu jgħajjruh li kien ikrah. Għafas għajnejh ħalli jara ċar minn ġod-dmugħ u ħareġ minn ġol-klassi.
“Stefan!” beda jisma leħen Aldo ġej minn wara l-kantuniera.
Malli sema’ leħen Aldo, qalbu għamlet tikk. Kienet ġejja tiegħu.
“It-tifel l-ikrah ħiereġ mill-iskola!” semagħhom jgħidu fost storbju u daħq bla rażan.
Rahom minn wara l-kantuniera tal-ħanut li kien hemm faċċata tal-iskola u telaq jiġri b’kemm kellu saħħa. Illum ma kienx ser iħallihom jaqbduh. Għax malli jilħquh kienu joqgħodu jtuh bis-sieq u jobżqulu għal wiċċu.
“Warajh!” għajjat Aldo, l-iktar wieħed fuq tiegħu li kien hemm minnhom. L-erbat itfal subien l-oħra rħewlha għal warajh.
Stefan ġera. Ġera b’kemm kellu saħħa. Illum kien daħħalha f’rasu li ma riedx iħallihom jiddieħku bih.
Is-subien ġrew ukoll u ppruvaw jaqbduh.
Stefan għadda minn ħdejn ħwienet, minn ħdejn djar, qasam xi sqaqien u kien qed iħossu bla nifs. Iżda kompla jiġri, b’qalbu tħabbat qawwija f’sidru.
Is-subien għamlu ħilithom. Jiġru u jidħku bejniethom.
Stefan dar kantuniera, dawwar rasu bilmod lejn in-naħa tax-xellug u ma ndunax biha. Kienet laħqitu.
Dlam.
Is-subien qabdu triq b’oħra u dakinhar ma laħquhx.
“Ara jaħasra!” bdew jgħajjtu n-nies li raw lil Stefan taħt bankina mitluq. Kienet tajritu karozza. “Ara kemm hu ħelu miskin!”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla……

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks