Patata stil Dauphinoise:

Għandek bżonn (għal 6 persuni):

Kilo patata, imqaxxra u mqatta’ slices irqaq kemm jista’ jkun
500ml krema (heavy cream)
Kuċċarina noċemuskata midħun
500ml ħalib
3 sinniet tat-tewm, midħunin
Melħ
Bżar

Metodu:

Ipprepara l-patata, u warrabha fl-ilma sakemm tiġi bżonnha.

Ħallat il-krema, il-ħalib, in-noċemuskata, it-tewm u niskata melħ u bżar ġo kazzola kbira u ħallihom jisħnu fuq nar baxx sakemm jagħlu. Ladarba jagħlu, neħħi minn fuq in-nar u warrab sakemm tlesti l-pass li jmiss.

Saffi l-patata mill-ilma u rranġaha f’saffi ġewwa dixx tal-forn li tkun ksejt b’karta tal-forn.

Saħħan il-forn u ferra t-taħlita tal-krema fuq il-patata biex sakemm tinkesa kollha.
Aħmi fil-forn għal 45 minuta jew sakemm tieħu kulur dehebi u l-patata tkun saret.

Tista’ sserviha hekk meta ssir, però l-metodu eżatt hu li meta toħroġha mill-forn u tibdred, tpoġġi oġġett tqil fuq il-patata biex hi tingħafas l-isfel. U tħalliha fil-friġġ għal 12-il siegħa.
Imbgħad isaħħanha fil-forn għal kwarta u sserviha mill-ewwel.

Asparagus il-forn

Għandek bżonn (għal 6 persuni):

Mazz asparagu irqiq
3 imgħaref żejt taż-żebbuġ
3 imgħaref ġobon Parmesan maħkuk
Żewġ sinniet tewm, midħun
Kuċċarina melħ
Kuċċarina bżar
Mgħarfa meraq tal-lumi (jekk tiggosta)

Metodu:

Naddaf il-ġnub l-ibsin tal-asparagu billi tikser it-truf lura sakemm jinqasmu.

Poġġi l-asparagu ġo skutella, żid iż-żejt taż-żebbuġa u qellibhom fiż-żejt sakemm tara li nksew kollha.
Imbagħad żid il-ġobon Parmesan, tewm, melħ u bżar u ħallat kollox sewwa.
Irranġa l-ispraġ fuq folja tal-ħami f’saff wieħed.

Sajjar fil-forn imsaħħan minn qabel sakemm ikunu kemmxejn irtabu, bejn 12 u 15-il minuta skont il-ħxuna.
Jekk tiggosta, roxx meraq tal-lumi eżatt qabel ma sservi.

Gravy taċ-ċanga magħqud

Għandek bżonn: (biex ikollok bejn wieħed u ieħor xi 250ml):

Żewġ cubes taċ-ċanga mdewbin f’400ml misħun biex tagħmel stokk

Kuċċarina garlic powder

Kużżarina onion powder

Mgħarfa Worcestershire sauce

Żewġ imgħaref cornflour imdewbin ma 75ml ilma

*nota: Jekk ma tixtieqx li l-gravy ikun daqsekk magħqud tista żżid ftit aktar ilma skont il-gosti tiegħek.

Metodu:

Ġo kazzola, itfa’ l-istokk taċ-ċanga, l-onion powder, il-garlic powder u l-worcestershire sauce. Ħabbathom b’whisk tal-ħadid, u ħallihom fuq in-nar sakemm il-gravy ikun ħa jiftaħ jagħli (ħawwad spiss).

Kif ikun qed jagħli żid it-taħlita tal-cornflour u ilma u erġa’ ħawwad sew bil-whisk.

Neħħi minn fuq in-nar u servi.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar dawn ir-riċetti u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks