Għandek bżonn (għal 6 persuni):
Flett taċ-ċanga ta’ 1.5kg (biċċa sħiħa)
English mustard (biex tidlek il-laħam)
Mgħarfa butir
Melħ u bżar
Għad-duxelles:
700g faqqiegħ frisk, imqatta’
Żewġ sinniet tewm imqatta rqaq
Mgħarfa Sherry
Daqs tużżana qastan imsajjar
Żewġ kuċċarini sagħtar frisk
Biex tiksi l-laħam:
12-il slice parma ham
Għaġina puff
Isfar tal-bajd imħabbat
Niskata melħ
Metodu:
Roxx il-melħ u l-bżar fuq il-laħam.
Saħħan taġen fuq nar qawwi, imbagħad żid il-butir u saħħan sakemm idub.
Aqbad iċ-ċanga b’tongs u aqliha għal madwar 4 minuti min-naħat kollha, sakemm tieħu tikka kulur.
Ittrasferixxi l-laħam taċ-ċanga fuq platt u waqt li tkun għadha sħuna idlika ħafif bil-mustarda min-naħat kollha, u għalissa warrab iċ-ċanga f’post sħun.
Ipprepara t-taħlita Duxelle:
Uża blender biex tħallat il-faqqiegħ, it-tewm, u l-qastan sakemm ikollok taħlita bħal pejst.
Saħħan taġen vojt nonstick, itfa’ t-taħlita u ħawwad kontinwament sakemm jevapora l-likwidu kollu. Imbagħad żid ix-sherry u erġa’ ibda ħawwad sakemm it-taħlita tinxef għal kollox.
Neħħiha mit-taġen, u warrabha biex tiksaħ.

Immuntar tal-Wellington:
Ifrex biċċa clingfilm imdaqsa. Imbagħad irranġa s-slices tal-parma ham fuq il-clingfilm, u ara li ma tħallix spazji vojta bejniethom. Kun żgur li l-area tal-parma ham hija biżżejjed biex tgeżwer iċ-ċanga fiha.
Ifrex saff irqiq tat-taħlita tad-duxelle fuq il-perżut biex tiksih kollu.
Poġġi l-flett taċ-ċanga fuq iċ-ċentru tal-perżut u d-duxelles.
Issa ibda għolli l-clingfilm bil-mod min-naħa waħda, u rrombla u geżwer il-laħam. Issikah sew kemm tista’.
Poġġih fil-friġġ għal nofs siegħa.
Wara nofs siegħa, ifrex biċċa clingfilm ġdida.
Poġġi biċċa għaġina kbira fuq il-clingfilm. Għal darb’oħra, kun żgur li l-għaġina hija kbira biżżejjed biex tgeżwer iċ-ċanga fiha.
Oħrog iċ-ċanga mil-friġġ, neħħilha il-clingfilm u poġġi ċ-ċanga fiċ-ċentru tal-għaġina, u bil-mod erfa’ l-clingfilm u l-għaġina u geżwer iċ-ċanga issikata kemm jista’ jkun.
Poġġiha fil-friġġ għal nofs siegħa.
Jew, tista’ tipprepara dan kollu minn ġurnata qabel u tħalliha fil-friġġ matul il-lejl.
Ipprepara dixx tal-forn baxx jew ċatt, u għattih b’karta tal-forn fuqu. Saħħan il-forn.
Neħħi l-clingfilm minn maċ-ċanga, u idlek l-għaġina bl-isfar tal-bajd. Roxx ftit melħ fil-wiċċ.
Poġġi l-wellington taċ-ċanga fuq id-dixx tal-forn, u aħmi għal madwar siegħa, sakemm l-għaġina tieħu kulur dehebi.
Meta tkun lesta, poġġiha fuq id-dixx li ħa sservi fuqu, u ħalliha toqgħod għal għaxar minuti qabel ma tqatta’ u sservi.

L-ikla t-tajba 🙂
Xi kontorni li jmorru magħha, u li tistgħu ssibuhom ukoll fuq skoperta.net huma:
Asparagus bit-tewm u l-parmesan,
Gravy magħqud u patata Dauphinoise.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kontributriċi