Select Page

skoperta.net qed jiddedika din il-ġimgħa partikolarment għal Jum San Valentinu, għaldaqstant se nwasslulkom intervisti ma’ koppji li ċertament huma popolari magħkom is-segwaċi u l-qarrejja tagħna.

Niskopru dwar kif iltaqgħu, dwar ir-relazzjoni tagħhom, u fuq kollox, xi tfisser l-imħabba għalihom? U Jum San Valentinu, jiċċelebrawh? X’inhuma l-ħsibijiet tagħhom dwar dan il-jum?

L-ewwel intervista tagħna hija mal-attur Carlos Farrugia u t-tfajla tiegħu Carolyne Portelli..

Għidulna l-istorja ta’ kif iltqajtu..

Carlos: Kien is-Sibt filgħaxija, fejn wara rappreżentazzjoni ta’ Freespirt Acting, iddeċidejt li mmur nisma’ quddiesa. Meta wasalt sibt li kienet ippakkjata u poġġejt fuq wieħed mill-uniċi żewġ siġġijiet li kien hemm disponibbli. Meta wasal il-mument li l-qassis qal biex kulħadd jagħti l-paċi lil xulxin jien dort u rajt lil Carolyne warajja, li kumbinazzjoni kienet ma’ ħabiba komuni tagħna, għidtilha l-paċi miegħek u hi qaltli miegħek ukoll bi tbissima lil xulxin – Dort lura lejn il-Mulej u għidtlu “Isa ħej, orrajt din!”. Wara li spiċċat il-quddies introduċejt ruħi u bdejna nitkellmu.

Carolyne: U jien kont qiegħda ma’ grupp li konna se nibqgħu sejrin nieħdu drink il-Belt wara il-quddies u offrejtlu biex jiġi magħna. Għdtlu “Trid tiġi magħna?”, qalli “Niġi ta”. Iżda Carlos għalkemm xtaq jiġi ma tantx seta’ jdum barra għax l-għada kellu intervista live fuq it-televiżjoni fis-7 ta’ figħodu. Il-fatt li konna se nkunu l-Belt stess qisu għamel kuraġġ u ġie. Waqt li konna hemm insomma drink wara ieħor u l-ħin beda għaddej. Għidtlu tibżax issa biex nagħmillek il-kuraġġ inqum kmieni jien ukoll u narak tagħmel l-intervista. Żammejt kelmti qomt fis 7 ta’ filgħodu u segwejt l-intervista – bgħattlu ritratt bħala evidenza wkoll.

Carlos: Jiġifieri bażikament aħna ltqajna l-ewwel darba flimkien waqt quddies – waqt party ta’ Kristu.

Fejn kienet l-ewwel date uffiċjali? U min għamel l-ewwel pass?

Carlos: Dak iż-żmien kont qed nidderieġi produzzjoni (Hekk Alla jgħini) u nzerta li wieħed mill-atturi kellu birthday party ġimgħa wara li ltqajna jien u Carolyne u staqsejtha jekk tixtieqx tiġi miegħi u hi aċċettat. Imbagħad iltqajna xi darbtejn oħra iżda l-ewwel date uffiċjali kienet, ftit ġranet wara, fil-Ġimgħa l-Kbira fejn staqsejtha biex tiġi miegħi l-purċissjoni tal-Kottonera, Fejn rajna l-purċissjonijiet kollha tal-Isla, Birgu u Bormla. Wara morna nnaqru xi ħaġa. Dik kienet l-ewwel date uffiċjali tagħna jiġifieri kont jien li għamilt l-ewwel pass.

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?

Carolyne: Lil Carlos ovvjament kont nafu biss minn fuq it-televiżjoni u kont naħsbu bniedem daqxejn imkabbar iżda t-televiżjoni fil-verità jurik stampa differenti. Meta kellimtu għall-ewwel darba bdilt l-idea li kelli fuqu għax kien vera umli, simpatiku u ħadt gost nitkellem miegħu.

Carlos: Meta kellimtha mill-ewwel irrealizzajt kemm hi tfajla dħulija u intelliġenti. Mill-bidu tal-konversazzjoni tagħna kellmitni bl-Għawdxi u qaltli jiena dejjem bl-Għawdxi nitkellem ma naqlibx għall-Malti, fejn ma tifhimx għidli u għidt din it-tfajla ma tiddejjaqx turi hi min hi u nġbidt mill-ewwel lejn il-karattru tagħha.

X’taħsbu li kien dak li matul iż-żmien li li ilkom flimkien kompla jkabbar u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħkom?

Carolyne: Nemmen li fir-relazzjoni m’għandux ikun hemm sigrieti minn xulxin, ir-rispett lejn xulxin għandu jkun hemm dejjem anke f’affarijiet li ma naqblux fuqhom. Il-komunikazzjoni għandha tkun hemm ukoll u nemmen li dawn kollha komplew isaħħu r-relazzjoni ta’ bejnietna.

Carlos: Dak li jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna huma l-onestà, il-valuri u l-karattru ta’ xulxin, li aktar ma jgħaddi iż-żmien aktar issir taf il-persuna. Id-djalogu u l-komunikazzjoni huma wkoll importanti immens.

Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?

Carlos: S’issa l-iktar żmien ta’ sfida kien għall-bidu tar-relazzjoni tagħna meta ma stajtx nifhimha titkellem bl-Għawdxi.

Carolyne: L-iktar żmien ta’ sfida fir-relazzjoni tagħna għalija kien sakemm irrealizzajt li għal Carlos niltaqgħu fit-8pm tfisser jidħol jinħasel fit-8pm.

Kif tippreferu li tqattgħu l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?

Carlos/Carolyne: Inqattgħu l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietna billi nippruvaw kemm jista’ jkun nieklu l-ikla ta’ filgħaxija flimkien u waqt dan il-ħin nitkellmu fuq il-ġurnata li kellna. Inħobbu insiefru ħafna flimkien, inħobbu noħorġu nieklu u nippruvaw postijiet tal-ikel differenti. It-tnejn inħobbu il-films u s-serje u naraw ħafna minnhom flimkien. Ovvjament inħobbu nitilgħu ħafna Għawdex u mmorru mixjiet twal fil-kampanja u nagħmlu mezz li qabel norqdu ngħidu talba flimkien.

Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?

Carlos: It-tnejn li aħna nzertajna naqgħu taħt l-istess stilla tal-‘Virgo’ allura t-tnejn li aħna xi ftit rasna iebsa – speċjalment hi imma fl-aħħar mill-aħħar dejjem insibu kompromess f’kollox. U mmeru ftit lil xulxin imma allaħares ma jkunx hekk fl-aħħar mill-aħħar. L-affarijiet li naqblu fuqhom huma li t-tnejn Juventini (u għalija dik importanti). Naqblu wkoll fuq l-għażla ta’ films/series/programmi li naraw flimkien imma l-aktar ħaġa importanti hi li naqblu fuq il-valuri li nħaddnu.

Carolyne: Nargumenta miegħu meta pereżempju joħroġ xi ħaġa tal-ħwejjeġ mill-gwardarobba u jħalli l-bieba jew xi kexxun miftuħ. Jew inkella nkun għadni qed naħsel l-art u tarah għaddej bil-papoċċ ta’ barra – ikolli nieħu paċenzja u nerġa’ ngħaddi l-art warajh. Imma wara kollox naqblu iktar milli nargumentaw, l-ikel li nsajjarlu jogħġbu u dejjem jgħidli ‘Kemm ġiek tajjeb Amore’. Naħsbuha l-istess fuq diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja li niltaqgħu magħhom bħala koppja.

Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?

Carolyne: Definittivament jiena!

Carlos: Hi tgħid li hi ċċedi l-ewwel u forsi għandha raġun imma kien hemm mumenti fejn ċedejt jiena l-ewwel.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Carlos: Fiżikament għajnejha u l-figura iżda l-iktar ħaġa li togħġobni fiha huwa l-karattru tagħha u l-aċċent Għawdxi. Tant hu hekk li qed tgħallimni d-djalett u kliem Għawdxi li jien qatt ma kont smajtu qabel.

Carolyne: Naħseb li lanqas hemm xi ħaġa partikolari li nista’ ngħid li ma togħġobnix minnu. Fiżikament, Carlos jogħġobni kollu kemm hu, speċjalment l-ghajnejn u t-tbissima iżda apparti hekk jogħġobni ħafna l-karattru ħelu li għandu.

X’differenza tagħmlu fil-ħajja ta’ xulxin?

Carolyne: Bħala koppja nissapportjaw ħafna lil xulxin, kemm fuq affarijiet ta’ xogħol, kif ukoll fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Pereżempju mhux l-ewwel darba li ndum ix-xogħol u nasal id-dar u nsib l-ikel lest fuq il-mejda (ħalliha li ġieli kilnih maħruq imma xorta napprezza). Anke forsi ideat li jiġuna fuq id-dar eżempju meta niddiskutu flimkien tiskanta kemm toħroġ b’ideat isbaħ u aħjar.

Carlos: Bħala koppja iva nissaportjaw ħafna lil xulxin, kemm fix-xogħljiet u l-karriera tiegħi tissaportjani ħafna, ġieli ttini parir fuq x’nilbes eżempju tgħidli biddlu dak il flok u ilbes l-ieħor jaqbel aktar. Iżda l-iktar fuq pariri inġenerali tal-ħajja.

Irrakkuntawlna praspura li għamiltu bħala koppja..

Carlos: L-ewwel praspura kienet propjament fl-ewwel date tagħna li kif semmejna qabel kienet fil-Ġimgħa l-Kbira meta morna naraw il-purċissjonijiet tal-Kottonera. Ħallejna l-karozza l-Belt u rħejnilha lejn il-Kottonera bil-lanċa. Wara l-purċissjoni morna nieklu xi ħaġa u meta morna lura biex naqbdu l-lanċa sirna nafu li l-aħħar vjaġġ lejn il-belt tlifnih b’xi sagħtejn. Il-problema hi li meta ġejna biex infittxu taxi irrealizzajna li t-tnejn li aħna konna bla battery fil-mobajl. Kienu xi nofsilejl dak il-ħin u tista’ tgħid kullimkien kien magħluq.

Carolyne: Għidtlu m’hemmx x’tagħmel nimxu rridu. Wara xi nofsiegħa mixi lejn il-Belt għadda jpaqpaq xi ħadd li kien jaf lil Carlos. Staqsejnieh jekk jagħmlilniex pjaċir kemm inċemplu taxi u nqdejna bil-mobajl tiegħu.

Carlos: Darb’oħra konna qiegħdin Għawdex il-Ħadd u bħal ma nħobb nagħmel filgħodu mort ġirja fil-kampanja. Ħriġt mid-dar u qbadt niġri u qbadt triq li mingħalija se teħodni f’post partikolari. Jien u niġri bdejt ngħid imma kemm hi differenti t-triq mill-aħħar darba li ġejt, minn xi xahar ilu ‘l hawm u nsomma ma tantx inkwetajt ħafna fuqha u bqajt għaddej niġri. Daqqa nidħol minn ġo sqaq u daqqa ndur fuq il-lemin, imbagħad qbadt triq fuq ix-xellug u spiċċajt ġo wied. Bdejt ngħid xi ġmiel hawn hawnhekk u domt ftit ngħaqad fl-għelieqi biex nara fejn se nsib ruħi għax qatt ma kont mort lejn dawk in-naħat. u f’qalbi bdejt ngħid kieku jaħasra għandi l-mobajl fuqi kont nieħu erba’ ritratti. Għamilt xi żewġ minuti nħares lejn il-veduta u erħajt qbadt triqti lura. Imma ma tantx sibtha malajr triqti lura għax minn wied qisni spiċċajt ġo wied ieħor.

Carolyne: Ngħidlek id-dritt ma tantx inkwetajt x’ħin għaddew sagħtejn għax ġieli jdum jiġri daqshekk imma x’ħin għaddew it-tlett sigħat bdejt ninkwieta u biex tgħaxxaq il-mobajl ma ħadux miegħu. Wara xi erba’ sigħat kulħadd beda jinkwieta xi daqxejn imma wara ftit narawh ġej lura d-dar qisu mhux hu.

Carlos: Bażikament irnexxieli nintilef ġewwa l-Għarb Għawdex.

Xi tfisser għalikom l-imħabba?

Carlos: L-ikbar definizzjoni ta’ mħabba li ltqajt magħha fil-ħajja tiegħi hija dik ta’ Ġesù Kristu, meta bniedem ikun lest li jagħti ħajtu għal ħaddieħor bħal m’għamel hu. U jien għalija dik hija l-imħabba li inti tkun lest tirrispetta u tagħti lilek innifsek għall-persuna l- oħra. U nemmen li jien u Carolyne din sibniha f’xulxin.

Carolyne: L-imħabba għandha tkun sistema ta’ sapport. Li taf li tagħmel x’tagħmel fil-ħajja hemm xi ħadd li lest li jisimgħek, lest li jagħtik l-opinjoni sinċieri tiegħu, lest li jgħinek, ikun warajk wara kull deċiżjoni li tieħu u li jirrispettak kull ħin u kull mument. Fl-opinjoni tiegħi li tgħid ‘inħobbok’ mhix biżżejjed f’relazzjoni. Kulħadd jaf jgħidha iżda mhux kulħadd jaf jesprimiha. U f’Carlos sibt dak li dejjem xtaqt insib f’ġuvni – ġuvni li jaf kif iħobb – ġuvni ta’ rispett kbir – ġuvni li jaf ipoġġi bilqiegħda u jismagħni – ġuvni li wara li nitkellem miegħu nħossni ferm aħjar.

Min minnkom hu l-aktar romantiku?

Carolyne: Naħseb li hu jgħaddini f’din.

Carlos: Jiena naħseb li jien daqxejn iktar romantiku minnha.

X’kien l-isbaħ ġest li għamiltu lil xulxin?

Carlos/Carolyne: L-isbaħ ġest li nagħmlu lil xulxin hu li dejjem insibu ħin għal xulxin, inkunu ta’ spalla għal xulxin u ta’ sapport kontinwu.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?

Carlos/Carolyne: L-aspirazzjoni tagħna bħala koppja hu li jekk il-bambin irid il-quddiem niżżewġu u jkollna l-familja tagħna.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?

Carlos: Jien għalija jum San Valentino huwa jum sabiħ fejn għalkemm l-imħabba trid turiha kuljum huwa xi ħaġa sabiħa li jkun hemm din il-ġurnata dedikata għall-maħbubin. Iva nieħdu gost niċċelebrawh Jum San Valentinu.

Carolyne: Iva kif qal Carlos jum San Valentinu niċċelebrawh, u nħobbu nixtru xi rigal żgħir lil xulxin.

Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?

Carlos: Ma nistax ngħid għax se tkun sorpriża.

Carolyne: Jien qed nispera li se jsajjarli xi ikla tajba.

Hemm xi kurżitajiet oħrajn li tixtiequ taqsmu magħna?

Carlos: Fil-produzzjoni li jmiss tiegħi, VARI ta’ Trevor Zahra li se tittella’ fi Spazju Kreattiv ix-xahar id-dieħel, Carolyne se tkun fil-produzzjoni miegħi għall-ewwel darba biex tgħinna fid-dipartiment tal-kostumi għax bdiet tieħu kors fil-ħjata.

Carolyne: Li nitgħallem il-ħjata kienet xewqa li dejjem kelli u qatt ma sibt ħin nagħmilha u qed naspira li l-libsa tat-tieġ tiegħi nħitha jiena stess.

Imma mhux biss! Għidnilhom ukoll biex jgħaddu messaġġ lil xulxin għal Jum San Valentinu…

Il-messaġġ ta’ Carlos għal Carolyne

Il-messaġġ ta’ Carolyne għal Carlos

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks