Ftit tal-jiem ilu, il-kantant Kurt Anthony qasam ritratt fuq il-midja soċjali li qanqal daqsxejn kurżità. Fir-ritratt wieħed jista’ jara lil Kurt flimkien mal-mudella u attriċi Lana Bowden li konna rajna f’waħda mill-edizzjonijiet passati tat-‘talent-show’ ‘L-Isfida’. Kurt kiteb sempliċiment id-data ‘13.02.21’…

Imma x’se jiġri eżatt?

Kurt qasam ma’ skoperta.net aktar dettalji dwar dak li se nkunu qed naraw minn dawn iż-żewġ artisti.

”San Valentinu huwa jum li fih ħafna jiċċelebraw l-imħabba, ir-relazzjonijiet tagħhom, mhux neċessarjament żewġ miżżewġin jew żewġ għarajjes iżda għalija din festa ta’ kull tip ta’ mħabba li għandna niċċelebraw kuljum mhux darba fis-sena biss. L-imħabba bejn il-ġenituri u l-ulied, dik ta’ bejn l-aħwa, il-ħbieb sinċiera, l-imħabba lejn l-arti ta’ nies bħali li għandhom l-arti għal qalbhom u ħafna iktar ambiti fejn l-imħabba vera tispikka u tgħix kuljum.

Sfortunatament nhar l-14 ta’ Frar kulhadd itella’ r-ritratti mal-maħbubin tiegħu u jinsa’ kemm hawn nies li jħobbu iżda ma jistgħux jgħixu mal-imħabba tagħhom, minħabba abbuż, vjolenza, gideb, qerq….minkejja dan dawn il-vittmi xorta ħafna drabi jkollhom imħabba għamja lejn min jabbuża mill-imħabba tagħhom. Naf nies ukoll li għalkemm iħobbu persuna, ma jistgħux jgħixu mal-persuna għax ma jaqblux. Naf nies, inkluż jien, li kellhom imħabba tant kbira lejn persuna li l-istess imħabba bdiet tweġġagħhom psikoloġikament għax bdiet titnissel l-għira…l-imħabba hija sabiha imma tista’ tweġġa’ wkoll u permezz ta’ kanzunetta popolari mis-snin 80, se nkun qed inwassal dan il-messaġġ, li għalkemm għal xi wħud jista’ jinftiehem negattiv, hemm il-pożittiv fih ukoll.

Jien ma nħobbx ninħeba jew nillimita ruħi. L-arti għalhekk sabiħa, għax tista’ tesprimiha kif tixtieq inti bla ma jindaħallek ħadd. Iva, ċerti xeni li ħdimna fihom passjoni u għalkemm jien u Lana sirna nafu lil xuxin dakinhar tal-‘filming’ għall-ewwel darba, it-tnejn dħalna sew fil-partijiet.

Din ġiet ta’ bla ħsieb. Ix-xahar li għadda kont l-istudjo fejn qattajna sigħat sħaħ niktbu mużika ġdida u nippjanaw materjal oriġinali li ħierġa lejn Marzu u lejn l-aħħar kelli aptit nirrekordja silta tkun liem tkun. Irrekordjajt din il-kanzunetta f’ ‘take’ waħda b’kull onestà għall-pjaċir biex ngħid kantajt u l-produttur qalli ”Kurt, tajtha interpretazzjoni daqs li kieku l-kanzunetta hija ġdida u tiegħek..Oħroġha isma’ minni”, u hekk se nagħmel. Nhar is-Sibt li ġej, flimkien ma’ Lana se naqsmu xi ħaġa differenti mis-soltu fuq il-midja soċjali. ”

Aħna persważi li Kurt flimkien mat-talent ta’ Lana se jkunu qed iwasslu l-messaġġ ta’ din il-kanzunetta bl-aħjar mod possibbli.

Nawguraw lil Kurt u lil Lana kull suċċess fil-karriera tagħhom.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks