Nitkellmu ma’ Lawrence u Maronia Gray
Minħabba li t-tnejn li huma kienu nvoluti sew fil-qasam tal-mużika, Lawrence u Maronia ilhom jafu lil xulxin żmien twil mhux ħażin, u fit-30 ta’ Jannar għalqu 10 snin miżżewġin.
Naturalment, kemm-il darba kienu jiltaqgħu f’avvenimenti mużikali, iżda kienu jitkellmu? Fil-fatt, Maronia ma kinitx tkellmu lil Lawrence, saħansitra kienet tgħid lil min jistedinha għal xi avveniment li jekk kien se jkun hemm Lawrence ma tmurx, għar-raġuni li kellha l-impressjoni li kien bniedem snob. Għall-kuntrarju ta’ Maronia, Lawrence minn dejjem kellu grazzja magħha u kull darba li kien jilħaqha qed tkanta, kien imur u jgħidilha prosit.
Kif bdew joħorġu flimkien?
Aktar ma’ beda jgħaddi ż-żmien Maronia bdiet tinduna li l-impressjoni li kellha fuq Lawrence kienet żbaljata u bdiet tiskopri kemm hu bniedem sensittiv, mistħi, ċajtier u totalment il-kontra ta’ dak li kienet taħseb dwaru. Dan ġara meta wara xi performances li kien ikollhom, kienu jibqgħu ħerġin flimkien u b’hekk bdew jersqu aktar viċin xulxin.
X’memorji għandhom taż-żwieġ tagħhom?
Lawrence u Maronia m’għamlux tieġ kif nafuh aħna, iżda xorta kienet waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajjithom. Il-pjan kien li wara ċ-ċerimonja taż-żwieġ imorru jieklu mal-familji tagħhom. Huma ddeċidew li ma joħorġux inviti iżda minflok avżaw lil kulħadd fejn, il-ħin u meta kienu se jiżżewġu. Kien mument ferm emozzjonanti għalihom meta x’ħin waslu l-Knisja l-kbira ta’ Raħal Ġdid sabuha mimlija. Mument sabiħ ieħor kien meta Lawrence kanta l-Ave Maria flimkien ma’ Chiara. Iċ-ċerimonja kienet immexxija minn Fr Karm Debattista u Fr Joe Mamo, żewġ persuni li għexu ma’ Lawrence u Maronia dak kollu li għaddew minnu. Wara party żgħir fuq iz-zuntier, u l-ikla mal-familji, il-ħbieb tagħhom organizzawlhom party biex jagħlqu din il-ġurnata li huma jiddeskrivuha bħala ġurnata ta’ ħafna emozzjonijiet, partikolarment għal Lawrence li kien emozzjonat ħafna.

Liam, it-tifel ta’ Lawrence u Maronia, xi jfisser għalihom?
Jgħidulna li l-ġurnata li saru jafu li kien se jkollhom tarbija ma jinsewha qatt. Kull twelid huwa speċjali iżda għal Maronia u Lawrence it-twelid ta’ Liam, kien speċjali b’mod partikolari għaliex it-tobba kienu qalulhom kemm-il darba li ma setax ikollhom tfal u allura wieħed jista’ jimmaġina r-reazzjoni tagħhom u ta’ dawk qrib tagħhom kif saru jafu b’din l-aħbar tant sabiħa.
“Ma stajniex nemmnu, imma fuq Alla m’hemm ħadd. Liam ifisser kollox għalina, ngħixu għalih u mindu twieled hu sirna nħarsu lejn il-ħajja minn perspettiva differenti. Qatt ma tobsor kemm tkun kapaċi tħobb lil xi ħadd aktar milli tħobb lilek innifsek.” jgħidulna.
L-aktar żmien ta’ sfida għal Lawrence u Maronia kien proprju waqt it-tqala, għaliex Maronia kellha tqatta’ xahar l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet li nqalgħu, iżda t-twelid ta’ Liam issupera kollox għaliex mhux talli ġab ħafna ferħ fil-ħajja tagħhom imma għaqqadhom aktar bħala koppja. “Mument li ma tistax tiddeskrivih”.
Mumenti speċjali oħrajn ikunu meta Lawrence jieħu sehem f’xi festival. “Inkun emozzjonata ħafna għalih għax naf kemm jirsisti u kemm ikun ħaqqu jirbaħ” tgħidilna Maronia.
Naturalment, bħal kantanti oħrajn, Lawrence naqaslu x-xogħol tal-kant minħabba l-pandemija u allura qed ikollhom ħafna aktar ħin flimkien. Il-ħin ta’ kwalità jħobbu jqattgħuh billi jsajru xi ikla tajba, jaraw xi film u jilgħabu ma’ Liam. F’sitwazzjoni oħra bla pandemija, iħobbu joħorġu mal-familji u l-ħbieb tagħhom.
Fuq xiex jargumentaw l-aktar?
Jgħidilna li l-argumenti tagħhom ikunu pjuttost banali. Jargumentaw l-aktar fuq it-tifel, fuq il-fatt li Lawrence jinkwieta żżejjed u li Maronia tħobb tonfoq ħafna!
Xi ħaġa oħra li jaqblu fuqha hija l-imħabba tagħhom lejn l-annimali, fil-fatt għandhom qattusa jisimha Faith u jqisuha bħala l-any tagħhom.
X’jogħġobhom l-aktar f’xulxin?
Maronia tgħidilna li l-aktar ħaġa li togħġobha f’Lawrence hija li jħobb il-familja u jagħmel kollox għalihom. Min-naħa ta’ Lawrence, l-imħabba, l-onestà u l-fatt li qatt ma taqta’ qalbha huma l-aktar li jogħġbuh f’Maronia.
Maronia tgħidilna li Lawrence romantiku ħafna imma kemm hu u kemm hi jħobbu jagħmlu sorpriżi ħelwin lil xulxin, bħal jagħtu xi rigal lil xulxin.

Kif ħa jqattgħuh Jum San Valentinu?
“Għalina l-imħabba hija kollox, u matul is-sena kollha. Ovvjament minħabba l-pandemija Jum San Valentinu ħa nqattgħuh aħna t-tlieta d-dar. Għalina l-importanti li nkunu flimkien bħala familja, m’aħniex koppja li nfittxu biex noħorġu waħedna, nippreferu li nkunu dejjem flimkien. J’Alla jgħaddi dan iż-żmien li għaddejjin minnu forsi nerġgħu nibdew ngħixu mill-ġdid dak li konna nagħmlu. Grazzi ta’ din l-intervista” jikkonkludu Lawrence u Maronia.

Direttriċi u Editriċi