Select Page

Nitkellmu ma’ Joseph u Antonella Galea Loffreda

Kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?

Joseph: Ilna miżżewġin 21 sena u konna ilna noħorġu flimkien madwar 7 snin. Qabel konna diġà nafu lil xulxin.

Antonella: Ilna nafu lil xulxin xi 31 sena, bdejna noħorġu flimkien 28 sena ilu u miżżewġin 21 sena.

Għidulna l-istorja ta’ kif iltqajtu..

Joseph: Kont nattendi ċentru ta’ Grupp Teatrali li kellu ħija fejn konna ntellgħu play fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira u xi plays oħra. Darba fost l-oħrajn ġiet Antonella. Kif għidt diġà kont nafha minn xi żmien qabel fejn konna f’kor flimkien, imma kont ilni ħafna ma nkellimha. Waħda minn sħabna qaltli li Antonella uriet xi interess fija u meta mort staqsejtha qaltli li mhux veru. Jien kont pront weġibt li ma jimpurtax, imma nsomma xorta b’xi mod spiċċajna flimkien.

Antonella: Konna ltqajna f’kor fil-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla. Iżda kien għad kelli 12-il sena biss u għalkemm kelli grazzja miegħu u konna ħbieb kont għadni wisq żgħira. Inċidentalment kien joqgħod kantuniera mad-dar tiegħi u kien membru f’ċentru tad-drama li l-lok fejn kienu jiltaqgħu l-membri kien propju fit triq tagħna. Waqt l-istudju għall-O’levels tant kont ngħir għalihom narahom barra fit-triq jissoċjalizzaw u jien imsakkra nistudja li daħħaltha f’moħħi li ningħaqad magħhom. Xejn xejn forsi nibda nirreċta wkoll. Isseħibt fiċ-ċentru tad-drama u mbagħad taf int ta’ dik l-età qisha kienet ħaġa normali li l-ġuvintur jibagħtu għat-tfajliet u bil-kontra. Hu jgħid li bgħatt għalih jien ….ifhem diskutibbli l-ħaġa. U ta’ spirituż li kien l-ewwel kliem li kien qalli kien propju ‘’bgħatt għalija?’’ u jien weġibtu ‘’le ma bgħattx għalik’’. Qam ħa jitlaq ‘l hemm imma żammejtu milli jitlaq. U hemm beda kollox.

X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?

Joseph: Lanqas niftakar ta. Probabilment lanqas kont ilħaqt bnejt opinjoni dwarha.

Antonella: Kont narah ġuvni simpatiku ħafna li dejjem kien jirnexxilu jnissilli tbissima.

Tiftakru fejn kienet l-ewwel date uffiċjali u x’għamiltu?

Joseph: L-ewwel ħarġa flimkien kienet il-festa ta’ San Ġużepp Ħal Għaxaq. Il-familja tan-naħa ta’ omm Antonella minn hemm. Jien inħobb il-festi u dak iż-żmien kont qisni mejda tal-qubbajd, allura dan kien il-post naturali fejn kellna immorru l-ewwel date.

Antonella: L-ewwel date uffiċjali mbagħad kienet dakinhar illi tlaqna lil sħabna taċ-ċentru u ħriġna l-ewwel darba bil-karozza. Niftakar ħadni l-marċ tal-festa ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq. Hu kien iffissat fuq il-festi dak iż-żmien. Jien mhux daqstant imma l-festa ta’ San Ġużepp kienet għal qalbi ħafna ghaliex il-familja ta’ ommi minn Ħal Għaxaq u Ġużeppini wkoll u allura kienet date ħelwa.

Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?

Joseph: Fil-verità tkun ilek tipprepara ħafna u lanqas taf kif jgħaddi. Imma li niftakar l-aktar huwa li konna rilassati u ħadna gost it-tieġ kollu.

Antonella: Naturalment il-funzjoni fil-knisja li hija l-qofol ta’ kollox. Fir-riċeviment imbagħad konna mdawrin bil-ħbieb u l-familjari tagħna u vera ħadna gost. Apparti minn hekk dak iż-żmien fl-1999 iż-żfin fit-tiġijiet ma tantx kien popolari. Anzi ż-żfin kien meqjus kważi bħala xi ħaġa ħamalla. Fil-fatt kienu saru popolari ħafna string quartets li jdoqqu mużika semi klassika. Aħna xtaqna band imma għamilna premura li ma ridniex żfin. Imma niftakar kif lestejna mir-ritratti bdew idoqqu medley tal-Milied peress li żżewwiġna f’Diċembru u l-familjari tagħna ħarġuna niżfnu u kulħadd dar magħna u beda jiżfen. Imnalla ġrat għax dik kienet l-isbaħ siegħa fit-tieġ.

Ġrat xi praspura partikolari dakinhar?

Joseph: Ma niftakarx li ġraw praspar partikolari. L-aktar li niftakar hija li ħarġet ġurnata sabiħa wara ġimgħa maltemp qawwi.

Antonella: Lili ġratli biċċa praspura li setgħet kienet ferm agħar. Meta għamilt xagħri kont ħallejt żewġ nokkli mniżżla fil-ġenb. Kienu moda ħafna. Sa ma ġejt biex nilbes rajthom donnhom niżlu ftit u qabbadt it-tongs biex nerġa’ ngħaddihom ftit u lqatt ftit wiċċi biha. Fis-sala jien u ndur lin-nies kulħadd beda jistaqsini x’għandi f’wiċċi u jien ħsibt li kelli l-lipstick tan-nies. L-għada filgħodu nqum b’ħarqa kerha f’wiċċi. Jiġifieri dak ma kien lipstick xejn imma jien li ħraqt wiċċi biex nirranġa n-nokkli!

Xi tfisser għalikom it-tifla tagħkom Martina u kif affettwat ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?

Joseph: Martina tfisser kollox. It-tfal jaffettwaw ir-relazzjoni propju għax huma jsiru l-prijorità. Tħossok tikber għax tiżdied ir-responsabbiltà ta’ persuna li tiddependi totalment minnek.

Antonella: Bħal kull ġenitur Martina hija litteralment kollox għalina. Iċ-ċentru ta’ ħajjitna anki peress li hi tifla waħedha. Naturalment għabbietna b’ħafna responsabbiltà u ħsibijiet u thewdin iżda ma nimmaġinanix mod ieħor. Bħal kulħadd nemmen illi xi kultant nafu naqgħu fit-tentazzjoni li nitilfu l-bilanċ u ninsew lilna nfusna biex niffukaw fuq il-bżonnijiet taghha u dik hija l-ikbar diffikultà li forsi poġġitilna bħala koppja. Imma l-importanti li konxji minn dan il-fatt u li t-tnejn li aħna noħolqu l-ħin u l-ispazju tagħna.

Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?

Joseph: Kuljum ikun hemm sfidi ġodda. Kull relazzjoni hija mimlija sfidi u s-sabiħ hu li tiffaċjahom.

Antonella: M’hemmx żmien partikolari iżda jkolli ngħid kuljum. Konxji ħafna li fl-għażliet kollha li nagħmlu rridu nżommu r-relazzjoni tagħna fiċ-ċentru għaliex kultant meta x-xogħol jibda jigri bina, avolja naħdmu fl-istess qasam tal-midja u t-teatru u nifhmu lil xulxin perfettament iżda kontinwament infakkru lil xulxin biex ma nitgħabbewx iżżejjed. Kull ġurnata tippreżenta sfida fl-opinjoni tiegħi.

Kif jirnexxilkom iżżommu r-relazzjoni tagħkom ħajja u b’saħħitha?

Joseph: Billi ninsew malajr. L-individwi jibqgħu bil-karattri, id-difetti u l-preġji tagħhom anke f’relazzjoni fit-tul. Trid taċċetta l-persuna l-oħra kif inhi u min hi.

Antonella: Permezz tal-komunikazzjoni u l-komprensjoni tajba ta’ bejnietna. Naturalment waħedna ma konniex naslu. Midinba bħal kulħadd izda t-tnejn li aħna nagħtu spazju lil Alla fir-relazzjoni tagħna.

Kien hemm xi esperjenzi partikolari matul is-snin li għenu biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom tkompli tissaħħaħ?

Joseph: Żgur li Martina hija important ħafna għaliex dejjem fiċ-ċentru tad-diskussjoni tagħna għaldaqstant toħloq djalogu kontinwu bejnietna. Żgur li għenu ħafna wkoll elementi li huma komuni bejnietna bħal ma huma s-safar u t-teatru.

Antonella: Nemmen li kull esperjenza li għexna flimkien għenet – it-twelid tat-tifla, safar, palk, televiżjoni. Nemmen li kollha ħallew l-impatt tagħhom.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Joseph: F’Antonella l-aktar li togħġobni hija s-sinċerità, taf fiex int magħha. Ġenwina ħafna u retta immens. Kultant biex niċċajta ngħidilha li hi bħat-tfal ma tafx x’inhu ħażen.

Antonella: F’Joseph togħġobni ħafna l-paċenzja, ir-rispett u l-mod kif jirnexxilu jżomm kalm fl-iktar sitwazzjonijiet imwegħra.

Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?

Joseph: Antonella tirreaġixxi għal kull ħaġa malajr, tinkwieta ħafna mix-xejn u ħafna drabi tinfaxxa rasha qabel taqsamha. Barra minn hekk dak li tista’ tagħmel illum ma tħallihx għal għada. Jien aktar kalm u paċenzjuż, nistenna ħafna u nħalli kollox jieħu l-ħin u ż-żmien tiegħu. Din id-diversità iġġelidna ftit. Prattikament imbagħad naqblu fuq ħafna affarijiet, niddiskutu ħafna temi u normalment naslu naqblu fuq kollox… speċjalment meta ssemilna xi safra.

Antonella: Bla dubju nargumentaw l-iktar fuq Martina speċjalment fuq il-karriera artistika tagħha. Il-metodi tiegħi u tiegħu huma totalment differenti u Martina ħarġet tixbaħ lilu. Allura ħeqq ikollna ftit diżgwid.

Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?

Joseph: Jien minni nċedi mill-ewwel għall-fatt li nemmen li fis-saħna tista’ tiżbalja, Il-punt tiegħi xorta nagħmlu u nirbħu jekk ikun hemm bżonn imma mhux fl-immedjat. Ħafna drabi meta ċċedi xi ftit ikollok aktar x’tirbaħ milli x’titlef.

Antonella: Joseph.

Irrakkuntawlna praspura li għamiltu bħala koppja...

Joseph: Fil-honeymoon morna skiing. Għamilna tlett ijiem nitgħallmu u fl-aħħar wasal il-mument li jħalluna ftit waħedna. Ma nafx kif f’daqqa waħda lil Antonella ma narahix ħdejja. Inħares quddiemi u naraha nieżla gas down twerżaq mingħajr ma tista’ tieqaf. Diġà kont qed narani nieżel Malta armel. Ma nafx kif spiċċat titrembel fuq is-silġ u xi ħaġa waqqfitha ħesrem bla ma kienet taf kif.

Antonella: Naħseb li fil-honeymoon. Lejlet il-millenju l-ġdid konna Ruma u waqt li konna għaddejjin minn Piazza del Popolo rajt l-apparat tal-mediaset u lit-tim kollu ta’ Buona Domenica jipprattika għal kunċert. Iddeċidejna li lejlet l-ewwel tas-sena li kien ukoll lejlet millenju ġdid nattendu għal dan il-kunċert. Kilna pizza xi mkien biex ma ndumux nieklu u mas-6pm konna minn tal-ewwel taħt il-palk bil-kowt u l-kappell u jien bit-takkuna u l-handbag. Mal-ħin bdew jinġemgħu n-nies. Kollha lebsin jeans u ġakketta tax-xita u bil-haversack. Sakemm beda l-kunċert il-pjazza nħonqot bin nies. Rassa esaġerata u kif ħarġet fuq il-palk Simona Ventura l-folla nbidlet f’mewġa. Kif Simona ħabbret il-kunċert ta’ Ligabue apparti li jien ma kontx għadni naf min huma, in-nies qishom ifferuċjaw kollha jaqbżu u aħna se naqgħu u ma naqgħux. Fejn kienu ta’ Buona Domenica?! Għaddejna 3 sigħat tal-biża’ f’rassa li qatt ma esperjenzajna bħalha u mat-tokki ta’ nofsillejl mill-haversacks inħarġu eluf ta’ fliexken xampanja li ħolqu xita kbira. Il-mewġ tal-folla tqalleb ferm u ma nafx kif irnexxielna ma naqgħux u niġu taħt saqajn in-nies fuq skoss ħġieġ tal-fliexken li bdew ikissru. F’dan il-kjass kollu bdejt nisma’ lil Little Tony, Orietta Berti, Iva Zanicchi jkantaw imma ma stajt nara xejn. Konna qisna fi gwerra. Illum nidħak meta niftakar kif spiċċajt għasra bil-kappell u l-kowt iqattru.

Min minnkom hu l-aktar romantiku?

Joseph: Jien romatiku ħafna, ma nahsibx li tlaħħaq miegħi Antonella.

Antonella: Joseph ukoll.

X’kien l-isbaħ ġest li għamiltu lil xulxin?

Joseph: Is-sena li għaddiet Antonella ħadet deċiżjoni importanti fejn jidħol ix-xogħol u nħoss li jien għintha ħafna biex setgħet tagħmel il-pass li xtaqet.

Antonella: Nemmen li l-isbaħ ġest illi żgur għamilna kien meta t-tnejn li aħna appoġġjajna lil xulxin fid-deċiżjoni delikata li nħallu xogħol fiss bi dħul stabbli u nagħmlu mit-teatru u l-media x-xogħol tagħna. L-ewwel ħa l-pass Joseph u jien minkejja l-preokkupazzjoni finanzjarja u l-piż li awtomatikament żdied fuqi, komplejt xprunajtu jieħu l-pass mhux biss għax kont nemmen li jista’ jirnexxi iżda wkoll għax ridtu jgħix il-ħolma tiegħu. Inqas minn sena ilu mbagħad kien hu li ta l-appoġġ lili biex nagħmel l-istess pass.

Xi tfisser l-imħabba għalikom?

Joseph: Nikkwota lil San Pawl “L-imħabba ma tfittix dak li hu tagħha”, ifisser li tħobb mingħajr ma tistenna xejn lura. Mhix faċli imma dik hi l-veru mħabba.

Antonella: Kelma kbira li tgħaqqad flimkien it-28 sena li ilna flimkien bl-esperjenzi kollha li kellna, kemm dawk sbieħ kif ukoll dawk diffiċli.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?

Joseph: Li naraw lil Martina tilħaq it-tragwardji tagħha. U dejjem malli nkunu nistgħu nerġgħu naqbdu nsiefru kemm nifilħu.

Antonella: Bħala koppja naturalment nitolbu ‘l Alla jtina ħafna iktar saħħa sabiex mhux biss nibqgħu nikbru fl-imħabba ta’ xulxin iżda wkoll nibqgħu nsostnu lil Martina. Nittamaw li narawha tilħaq il-miri li tant taħdem għalihom.

X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom fuq Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?

Joseph: San Valentinu kien jum aktar speċjali meta konna iżgħar, illum nifhmu li l-imħabba trid tkun hemm is-sena kollha. Però iva għadna nibgħatu cards u xi bukkett fjuri. Ifhem li noqgħodu d-dar nieklu xi ħaġa u tazza nbid tajba dik ċelebrazzjoni għalina.

Antonella: Onestament bil-ħajja mpenjata li ngħixu aħna nippruvaw naħtfu kull okkażjoni li tiġina biex niċċelebraw u nqattgħu ftit ħin ta’ kwalità flimkien. Jiġifieri le m’għadniex inħarsu lejn San Valentinu bħala jum partikolari li rridu niċċelebraw. Minkejja dan, kartolina u xi rigal żgħir ma jonqsux.

Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?

Joseph: M’għandniex ċans naħsbu. Niddeċiedu dakinhar probabilment però x’aktarx li d-dar kif semmejt qabel.

Antonella: Nibdew bil-quddiesa tal-Ħadd naturalment u wara mmorru nieħdu xi kafè. Wara nofsinhar nittama li t-temp ikun sabiħ sabiex immorru dawra fil-kampanja u filgħaxija mbagħad ikla tajba ma’ Martina. Wara ġurnata studju jkun ħaqqha takkumpanjana.

Għidnilhom ukoll biex jgħaddu messaġġ lil xulxin għal Jum San Valentinu…

Il-messaġġ ta’ Antonella għal Joseph

Il-messaġġ ta’ Joseph għal Antonella

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks