Il-fatt li nduru fejn induru bħalissa nsibu qlub imdendlin ‘l hemm u ‘l hawn.. riklami li l-ħin kollu jfakkruna li qisu suppost aħna ngħixu mal- maħbubin tagħna.. u li qisu kull min għandu maħbub huwa kollox ward u żahar… tajjeb li niftakru li din hija r-rota tal- kummerċjaliżmu sfrenat li sfortunatament imdawwrin bih.. mhix ir-realtà tal-ħajja..
Ngħiduha kif inhi din li niċċelebraw San Valentinu tista’ tkun opportunità għal min hu f’relazzjoni biex iqatta’ ftit ħin ta’ kwalità ma’ min iħobb… ma fiha xejn ħażin imma bħal kull ħaġa oħra fid-dinja l- bilanċ hu importanti..
U jekk m’aħniex f’relazzjoni għalkemm xi wħud jinterpretawha bħala sfortuna… hija ukoll opportunità fejn nistgħu nistaqsu x’relazzjoni għandna magħna nfusna…
Tajjeb li nirrealizzaw li mhux kull ma jleqq hu deheb.. jista’ jkun li nkunu f’relazzjoni fejn minn barra kollox jidher ileqq iżda l-affarijiet ma jkunux sejrin sew..
Jista’ jkun li nkunu aħna li nkunu għamilna għażla ta’ persuni li ma tantx iġibulna rispett jew li l-karratteristiċi tal- karrattru tagħhom ma jaqblux ma’ tagħna… tajjeb li nistaqsu… imma għala għażilna din it-tip ta’ persuna u mhux oħra?
Jekk ir-relazzjoni tagħna tkun spiċċat.. għalkemm il-firda qatt mhi faċli, tajjeb li nifhmu għala spiċċat u b’hekk nagħżu li ma nagħmlux l-istess żbalji meta nkunu se nibdew relazzjoni oħra…. Jekk niddeċiedu li nibdew oħra…
Din tista’ tkun ġurnata fejn nilbsu l-libsa tal-vittma u naqgħu ħażin… jew nistgħu niċċaqalqu billi nagħmlu xi ħaġa li nħobbu aħna … billi nieħdu ħsieb tagħna nfusna… għala le?!
Nistgħu nħarsu lejna nfusna bħala l-persuna li mhux qiegħda f’relazzjoni jew dik il-persuna li ħarġet minn relazzjoni għax ma jistħoqqilhiex li ma tkunx rispettata… u għalkemm m’għadhiex fir-relazzjoni xorta miexja ‘l quddiem waħedha… u hawnhekk ta’ min jistaqsi… min jistħoqqli li nkun il-vittma jew dik il-persuna li qamet fuq saqajha wara l-firda?
Minflok toqgħod id-dar fis-sodda tiffanga u tara Netflix tista’ tmur ma’ grupp żgħir ta’ persuni single u tagħmlu attività fejn tidħku daħka u tieħdu gost flimkien..
Ma fiha xejn ħażin li toqgħod tara xi series li jogħġbok… però tajjeb li tistaqsi lilek innifsek jekk hemmx affarijiet oħra li jistgħu jagħtuk sodisfazzjon bħal pereżempju l- eżerċizzju jew xi xogħol ta’ volontarjat?
Il-fatt li qiegħdin f’nofs pandemija nifhem li mhux għal kulħadd faċli li joħroġ u jagħmel attività… jekk hu hekk… żomm f’moħħok li din tista’ tkun ukoll ġurnata bħall-oħrajn u li fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa jgħaddi kollox…ma taħsibx li aħjar li tagħmel erbgħa għoxrin siegħa ma tistax tiċċelebra din il-ġurnata, milli tkun maqbud f’relazzjoni fejn m’intix kuntenta għal ħafna ġranet?
Ftakar li Jum San Valentinu hija tradizzjoni li nħolqot .. tista’ toħloq it-tradizzjoni tiegħek għal dawn iż-żminjiet .. ieqaf ftit… xi jġegħlek tħossok tajjeb? X’tixtieq tagħmel għalik innifsek?
Ħmistax oħra nitkellmu dwar għala xi kultant huwa aħjar li nkunu single milli f’relazzjoni tossika..
Awguri u tislijiet..
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406