Select Page

Minbarra l-familjari, il-ħbieb tal-qalb u l-fans tiegħu, huma ħafna li esprimew in-niket tagħhom għall-mewt tal-attur Christopher Plummer, li miet nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Frar fl-eta ta’ 91 sena.

Plummer qed jiġi mfakkar ukoll minn bosta atturi sħabu, inkluża l-attriċi Julie Andrews, stilla oħra li ħadmet miegħu fil-film The Sound of Music, fl-1965.

“Id-dinja tilfet attur brillanti u jien tlift ħabib għażiż.” Qalet fi stqarrija lil NBC News. “Nibqa’ ngħożż il-memorji tax-xogħol tagħna flimkien, l-umoriżmu u l-gost kollu li qsamna matul is-snin. Qalbi u l-kondoljanzi jmorru għand il-mara sabiħa tiegħu Elaine, u bintu Amanda.

Filwaqt li l-karriera ta’ Christopher Plummer kienet waħda twila u b’arkata, b’interpretazzjonijiet impressjonanti kemm fuq il-palk kif ukoll fuq l-iskrin, huwa jibqa’ mfakkar l-aktar għall-parti li interpreta fil-film The Sound of Music, dik ta’ Captain Georg von Trapp, armel u missier ta’ sebat itfal, li jsir iħobb lil Maria, karattru interpretat minn Julie Andrews.

Fatt interessanti huwa li hu ma kienx daqshekk fan tal-film, madanakollu spiss kien ifaħħar lil Julie Andrews għas-sehem tagħha fis-suċċess ta’ dan il-proġett u kien isemmi wkoll li kienu ħbieb ħafna.

Uħud mill-atturi li għadhom ħajjin li interpretaw il-karattri tat-tfal fil-film, bħal Debbie Turner (Marta), Kym Karath (Gretl), Angela Cartwright (Brigitta) u Nicholas Hammond (Friedrich) ukoll qiegħdin itellgħu diversi posts fuq il-midja soċjali, b’ritratti u kummenti ta’ ammirazzjoni lejn Christopher Plummer u jesprimu n-niket tagħhom għall-mewt tiegħu.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks