Nitkellmu ma’ Mark u Louise Doneo
Kemm ilkom tafu lil xulxin? U kemm ilkom miżżewġin?
Mark: Emmm…dejjem ninsa bl-eżatt għax ilu ftit u normalment nistaqsi lilha għax għandha memorja ‘normali’ mhux bħal tiegħi. Xi ħaġa fuq it-30 sena imma jidhirli.
Louise: Fis-16 ta’ Frar ngħalqu 35 sena u ilna 30 sena miżżewġin.
Għidulna l-istorja ta’ kif iltqajtu..
Mark: Kont qiegħed f’diskoteka, l-iStyx, Paceville, ma’ ħija u sħabi. Kont qiegħed hemm kontra qalbi għax apparti li ma nafx niżfen, biex titkellem ridt twerżaq inkella trid toqgħod tixrob, tiċċassa u tisma’ l-mużika u l-mużika kienet tal-qamel. Kelli n-nervi. Imma wieħed mill-ġenji sħabi kien jgħid li biex tgħabbi, jew tmur disco inkella toqgħod fuq putirjal tpejjep il-ħaxixa u ddoqq il-kitarra. La ħaxixa ma kont inpejjep u ‘qas il-kitarra ma kont naf indoqq. Insomma, dawn sħabi raw erba’ tfajliet u qabbdu jkellmuhom. Ħija ż-żgħir ġie fuqi u qalli ‘’orrajt daw….minbarra ‘dik’, ma tridx tkellimna ‘dik’.” Mort nara ‘dik’ min kienet u għala ma riditx tkompli magħhom. Hemm l-ewwel darba li kellimt lil Louise.
Louise: Iltqajna ġewwa diskoteka Paceville. Kumbinazzjoni l-ħabiba tiegħi kienet diġà taf lil Mark u ġimgħa biss qabel, konna qiegħdin il-Belt u ratu għaddej ma’ ħuh u qaltli min kien għax oħtu kienet taħdem magħna. Mur għidli li ġimgħa wara kelli niltaqa’ miegħu wiċċ imb’wiċċ!
X’kienet l-ewwel impressjoni li kellkom fuq xulxin?
Mark: Jien għoġbitni. Kellha ras xagħar bin-nokkli u liebsa ħelu. U meta fetħet ħalqha ma tkellmitx qisha l-fidila. Għoġbitni ħafna.
Louise: L-ewwel impressjoni li kelli fuq Mark bla dubju kienet, kemm kien edukat u persuna li taf tisma’.
Kif kienet l-ewwel date uffiċjali tagħkom? U min minnkom għamel l-ewwel pass?
Mark: Insejt eżatt. Louise tiftakar dawn id-dettalji aħjar imma li naf żgur li jien u tiela Triq ir-Repubblika biex niltaqa’ magħha fuq Putirjal (kont noqgħod Triq San Duminku, il-Belt), kont waqqaft tfajla quddiem l-iSquare Deal (dak iż-żmien) għax ħsibtha hi. Ma kinitx hi. Inksirt u meta wasalt Putirjal ma kontx ċert liema waħda kienet Louise għax ġejt paranoid li se nerġa’ nagħmel froġa oħra. Stennejtha tagħmel ‘move’ hi.
Louise: L-ewwel date uffiċjali morna ħadna drink u naħseb jekk għamilna 3 sigħat flimkien, Mark xi ftit jew wisq kien jaf l-istorja ta’ ħajti! Mark għamel l-ewwel pass.

Liema memorji tgħożżu l-aktar mill-ġurnata tat-tieġ tagħkom?
Mark: Il-ġurnata kollha kienet memorabbli. Kellna tieġ ħelu ‘open air’ u konna ftehemna ma’ tar-ritratti u tal-video biex ma joqgħodx jgħidilna, ‘‘ejjew hawn, oqgħodu hemm, issa jmiss nieħdu ma’ dak u ma’ l-oħra….” U hekk gawdejna ħafna l-kumpanija ta’ xulxin u tal-familja u ħbieb li kienu hemm. Stress free.
Louise: M’hemmx xi memorja partikolari, Il-ġurnata kollha kellha xi tip ta’ memorja jew oħra. Minn x’ħin ġie Mark id-dar għallarrieda biex inewwilli l-fjuri, għalkemm il-mamà ma kinitx ħallietni narah! Il-ġurnata kollha kienet memorabbli.
Ġrat xi praspura jew xi partikolari dakinhar?
Mark: Louise tgħid li waqfet il-karozza tal-kiri (xi Rolls Royce ta’ żmien il-Flinstones) hi u ġejja l-knisja allura waslet tard. Jiena ma ndunajtx għax qagħdna ngħidu ċ-ċajt u ċ-ċuċati jien, ħija, missieri, il-best man u l-qassis li ċċelebra. Dħakna daħka qabel ġiet.
Louise: Ġraw naqra!! L-ewwel praspura kienet li waqfitilna il-karozza tat-tieġ. Jien kont noqgħod B’Kara u sakemm wasalt il-knisja li kienet il-Fgura, waqfet 3 darbiet u spiċċajt wasalt nofsiegħa tard. Imbagħad għas-sala kien ġabilna karozza oħra. Mark ‘qas induna!
Praspura oħra, jekk tista’ ssejħilha hekk, kienet li ġie s-sagristan fuqna kif lestejtna miċ-ċerimonja, u staqsiena jekk irridux noħorġu qabel jew wara l-vara tal-Madonna!
Inzerta li ġimgħa wara kellhom il-festa u riedu joħorġu l-istatwa għal xi raġuni. Dak il-ħin qisu lanqas irrealizzajna eżattament x’kien qed jiġri imma eżatt kif ħriġna mill-knisja naraw grupp ta’ bandisti fuq iz-zuntier idoqqu u murtali għadejjin fuq rasna u kif indawwar wiċċi, nara l-istatwa tal-Madonna warajna!
Għandkom xi tradizzjonijiet partikolari bħala koppja?
Mark: Boqq. Le. Għandna xi tradizzjoni Lou?
Louise: Għad għandna xemgħa li użajna dakinhar tat-tieġ ġewwa l-knisja li tissimbolizza l-għaqda tagħna fiż-żwieġ u kull sena fl-anniversarju tat-tieġ, nixgħeluwha.
Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?
Mark: L-ewwel ftit snin naħseb. Sakemm timmatura ftit u ssib saqajk finanzjarjament, naħseb li tgerfex naqra. Almenu jien gerfixt ftit. Kont iffukat ħafna fuq ix-xogħol u mhux fuq ir-relazzjoni.
Louise: Meta bdejna naħdmu flimkien fuq proġetti għat-televiżjoni. Apparti li mhux dejjem tkun faċli li taħdem flimkien, ix-xogħol kien jirrikjedi ħafna sagrifiċċji li kellna nagħmlu u din kienet ħolqot ċerta tensjoni fir-relazzjoni.
Kien hemm xi esperjenzi partikolari li tħossu li għenu biex tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ bejnietkom?
Mark: Ngħid għalija ma nafx jekk kienx hemm esperjenza ‘waħda’ partikolari aktar mill-fatt li maż-żmien bdejt nirrealizza li kelli partner li tħobbni veru anka meta ma kontx 100% good guy. Minn dejjem kont naf li nħobbha. U kont naf li nħobbha ħafna imma ma kontx konvint kemm se sservi din l-imħabba. Louise kienet tgħidli li ‘qas hi ma taf kemm se sservi imma se taħdem fuqha kuljum. Kliem li qatt ma nsejt.
Louise: Mark kien għeni ħafna meta kienet mietet oħti f’aċċident tat-traffiku. Kien ta’ spalla ħafna għalija u anke meta tlift lil mamà. Però dejjem emmint li relazzjoni jekk tibża’ għaliha u ma tieħu xejn for granted, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iżjed tissaħħaħ.
Xi tpoġġu fiċ-ċentru tar-relazzjoni tagħkom?
Mark: ‘qas naf. Qisha mistoqsija tqila u trid iddum taħseb fuqha imma fil-verità, almenu għalija, naħseb li fil-każ tagħna kienet, il-kuntentizza. Naħseb li tgħallimna noqgħodu attenti li ma nirfsux fuq il-kuntentizza ta’ xulxin. Għalija importanti li naraha ‘happy’ u Louise l-istess.
Louise: Il-komunikazzjoni. Importanti ħafna li nitkellmu u jekk ikollna xi problema niddiskutuwha flimkien u nippruvaw nilħqu kompromess mingħajr ħafna argumenti. Nitkellmu. Nitkellmu ħafna.

Taħsbu li l-fatt li t-tnejn li intom għandkom passjoni għall-istess qasam għen fir-relazzjoni tagħkom?
Mark: Iva u le. B’mod olistiku ngħid (with hindsight) li imn’alla jogħġbuna l-istess affarijiet, speċjalment issa li kbirna ftit. Dejjem insibu fuq xiex nitkellmu u niddibattu. Imma kien hemm żmien fl-ewwel għaxar snin tar-relazzjoni fejn kont naħseb li tant konna nqattgħu ħin flimkien li konna se nsibu t-tarf. Anka argument jew problema. Iġġorrha miegħek id-dar. Speċjalment meta bdejt nidderieġi u nipproduċi l-ewwel darba. Jien bniedem li ninternalizza ħafna, qatt ma tkun taf x’għaddej minn moħħi. L-ammont ta’ pressure u stress li kont nitfa’ fuqi biex proġett nagħmlu l-aħjar li kont naf kien tremend. Ġieli ‘qas kont inkun naf. Qisni pressure cooker. Inżomm inżomm inżomm, sakemm ma tkunx tista’ tikkontrolla lilek innifsek. ‘qas nitbissem ma kont naf. Dan kollu Louise għexitu miegħi. Ratni ninbidel. Kien hemm mumenti fejn xtaqt li Louise kienet dilettanta ta’ xi ħaġa oħra u ffrankajna xebgħa argumenti fil-vojt. Kien hemm. Imma illum, issa li għadda daż-żmien kollu, nirrealizza li r-relazzjoni li għandna illum hija propju minħabba dak li għaddejna minnu meta konna iżgħar. Illum nirrealizza x’impatt kellha fuq il-personalità tiegħi.
Louise: Jien naħseb li għalkemm fil-bidu, kienet xi ftit diffiċli, xorta waħda għenet fir-relazzjoni tagħna…dejjem stajna nifhmu aħjar lil xulxin.
Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?
Mark: Il-‘quality time’ ma jaqax mis-sema. Speċjalment għal nies busy. Kif għidtlek qabel, fil-bidu tar-relazzjoni jiena ma kellix ‘bilanċ’ tajjeb. Imma maż-żmien kelli nitgħallem. Ġie żmien fejn stajt tlift ir-relazzjoni u tbiegħedt mill-familja u l-ħbieb tiegħi. Biex ngħid hekk, kelli karriera u xogħol li kienu għal qalbi ħafna imma ma kontx verament kuntent. Indunajt li il-kuntentizza kienet tiġi biss min-nies li żżomm madwarek u kif tqatta’ l-ħin magħhom. Ilum, il-‘quality time’ fil-ħajja tagħna huwa skedat bħal ma hu skedat ix-xogħol.
Louise: Dejjem jirnexxielna. Importanti li niħduh il-ħin ta’ bejnietna anke meta nkunu busy ħafna waqt xi proġett.
Min minnkom hu l-aktar romantiku?
Mark: Louise.
Louise: Jien. Għalkemm Mark, meta konna għarajjes kien romantiku. Niftakar meta konna niltaqgħu kien spiss iġibli l-fjuri u peress li dak iż-żmien ma kellniex mobiles niftakar kien jibgħatli l-ittri ma’ oħtu peress li kienet taħdem miegħi. Jien u naqrahom kien vera jagħmilli burdata tajba.
Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?
Mark: Louise.
Louise: Jien.
Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?
Mark: Nargumentaw fuq kollox. Louise ma tammettix imma fuq kollox nargumentaw. Fuq kif niekol il-yoghurt, fuq kif taħsel snienha hi, fuq kemm-il darba naħsel snieni jien, fuq kif iġġebbed il-kutri minn fuqi meta reqdin, fuq kemm suppost issajjru iebes l-għaġin, fuq kif nintelaq fuq is-sufan bl-addoċċ, fuq kollox. Però l-aktar li naqlagħha huwa meta nitkellem naqra naugħty. Kuljum jiġifieri. Naqblu fuq ħafna affarijiet ukoll, ovvja. Imma l-importanti li naqblu fuq il-football. Mill-bqija kollox jinħafer.
Louise: M’hemm xejn partikolari fuq xiex nargurmentaw għax illum il-ġurnata fuq iċ-ċucati sirna nargumentaw. Qabel però konna nargumentaw waqt xi filming. Forsi għal fatt li Mark kien jitlob iżjed minni għax il-mara tiegħu u jien nagħmel l-arja miegħu għax ir-raġel tiegħi u ġieli b’hekk konna nikklexxjaw.
Naqblu fuq ĦAFNA affarijiet ovvjament, anke fuq il-futbol!
Xi tfisser l-imħabba għalikom?
Mark: Ma nafx xi tfisser eżatt għax probabbli tfisser affarijiet differenti għal persuni differenti. Però li naħseb huwa komuni għal ħafna u mhux daqsekk ovvju, huwa s-sagrifiċċju. Jiena sagrifiċċju għaliha nagħmlu mingħajr ma naħsibha nofs sekonda. Nissallab għaliha jekk ikun hemm bżonn. U naf li veru. Naf inkun l-aktar persuna diffiċli fid-dinja meta jiġini riħ ħażin imma jekk tiġi bżonni imqar fuq ċuċata, nitlaq minn idi u nibqa’ sakemm naf li tkun komda u moqdija.
Louise: L-imħabba għalija tfisser li dejjem għandek tisma’ u ma tinjorax ir -raġel jew il-mara tiegħek. Ma tgħirx, anzi tifraħ bl-achievements li jkun għamel mingħajr piki żejda.
X’kienet l-isbaħ sorpriża li għamiltu lil xulxin?
Mark: Ma nafx. Insejt. Idejquni s-sorpriżi lili. Imma naħseb għamilt xi tnejn lilha.
Louise: Sorpriża li għamilli Mark, kienet meta ibbukkja 4 ijiem shopping ġewwa Londra għal birthday tiegħi. Wara kellna bżonn holiday oħra ta’ mistrieħ. Però naħseb li l-isbaħ sorpriża u li nibqa’ ngħożż għal dejjem kienet, f’għeluq il-25 sena anniversarju, meta reġa’ ipproponieli waqt il-programm ‘Xarabank’. Saħansitra kien stieden lil tal-familja u xi ħbieb ukoll.

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?
Mark: Jiena jogħġobni l-fatt li għandi mara ‘tajba’. Taħseb f’kulħadd għax ‘good girl’. Jgħin ukoll li taf issajjar u tħobb isegwi l-futbol daqsi.
Louise: Mark huwa bniedem umli, u b’qalb tad-deheb. Dejjem jara kif jagħmel biex jagħmilni kuntenta u jara li ma jonqosni xejn. Ċajtier u nista’ nkellmu fuq kollox.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?
Mark: Jien m’għandix aspirazzjonijiet partikolari. Il-ħajja ftit imprevidibbli kienet s’issa. Imma meta ssajjar tiġieġa u nagħmlu ‘wish’ bil-wish bone, dejjem nittama li nixjieħu flimkien kuntenti. U li teħodni skiing xidarba.
Louise: Aħna dejjem inħobbu nimxu ġurnata b’ġurnata u nippruvaw dejjem li nwettqu l-ħolmiet żgħar tagħna flimkien.
X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar Jum San Valentinu? Tiċċelebrawh?
Mark: Jien jista’ ma jiġix għalija. Minn dejjem kont partikolari fuq il-‘cards’ u d-dikjarazzjonijiet ta’ mħabba. Jew se nħobbha u nuriha li nħobbha s-sena kollha, inkella ‘card’ u dikjarazzjoni ta’ mħabba f’Jum San Valentinu jiġu s-simbolu tal-ipokrezija. Però dejjem nofrilha biex insajjar jien jew nieklu barra dak in-nhar.
Louise: Jum San Valentinu ma tantx sar ifisser wisq għalija llum il-ġurnata fuq livell personali. Togħġobni l-idea li hemm ġurnata iddedikata għall-imħabba imma, ovvja li l-imħabba u t-turija tal-imħabba trid tkun is-sena kollha.
Kif beħsiebkom tqattgħu Jum San Valentinu?
Mark: Naraw il-futbol u nitfissdu fil-half time ta’ kull logħba. Hemm xi erba’ logħbiet dak in-nhar.
Louise: Kif inqattgħu l-kumplament tas-sena…ikla tajba, film tajjeb u jekk ikun hemm xi logħba futbol narawha wkoll! L-importanti li nkunu flimkien.

Direttriċi u Editriċi