Select Page

Lura f’Settembru tas-sena 2020, waqt l-44 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu, il-kantawtur Philip Vella nieda 60+, kollezzjoni ta’ 13-il-kanzunetta oriġinali bil-Malti, 12 li huma kompluti minn kollox u b’hekk jinkludu kemm mużika kif ukoll lirika, u waħda li tikkonsisti minn mużika biss, għaldaqstant strumentali.

Proprju jumejn qabel l-14 ta’ Frar, il-ġurnata tal-maħbubin jew inkella kif inhi magħrufa aħjar, Jum San Valentinu, Philip Vella ddeċieda li jniedi Għalfejn Tħobbni Daqshekk?. Kanzunetta b’lirika u mużika tiegħu stess, li fiha bħallikieku qiegħed jikteb ittra lil martu, fejn hu jsib lilu nnifsu perpless ‘il għala għażlet li dejjem tibqa’ miegħu jew li tara li dejjem ma jonqsu xejn, speċjalment meta ma jsibhiex faċli biex iħobbha bil-mod kif tħobbu hi.

“Ma niddejjaqx ngħid li din il-kanzunetta ktibtha għal omm uliedi, għal marti, dik il-persuna li dejjem emmnet fit-talenti tiegħi, li dejjem kienet hemmhekk warajja, anke meta forsi kont qalbi maqtugħha. Fl-istess ħin, naf ukoll li din il-kanzunetta jista’ jirrelata magħha kull min għandu dik il-persuna għażiża għalih.” iżid jgħid il-kantawtur Mellieħi, Philip Vella.

Għalfejn Tħobbni Daqshekk? hija s-6 kanzunetta mill-album 60+ wara Allura, Il-Verità, Rajt Raġel, Pa u l-aktar waħda riċenti, Ġenna u Infern li apparti li ndaqqet minn għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju lokali, telgħet ukoll fil-quċċata tal-klassifika tal-Maltin.

Fil-jiem li ġejjin, intom tistgħu ssegwu din il-kanzunetta ġdida fuq diversi mezzi tax-xandir, permezz ta’ vidjo mużikali maħdum miż-żagħżugħ Nathan Abela li ġie ffilmjat ġewwa l-istudjo mużikali ta’ Philip Vella u li jinkludi wkoll xi messaġġi ta’ mħabba mibgħuta minn koppji differenti.

Għalfejn Tħobbni Daqshekk? bħal kumplament tal-album 60+ li hija tagħmel minnu, ġiet prodotta minn Sean Vella, filwaqt li hija disponibbli fuq is-siti diġitali iTunes u Spotify grazzi għall-ippubblikar diġitali tal-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds u promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks